“Is-sajjieda Maltin għandhom ikunu trattati b’mod ġust u ekwu, speċjalment fir-rigward ta’ regoli ġodda li jikkonċernaw is-sajd tal-Lampuki.”
Dan l-appell ġie magħmul mill-Membru Parlamentari Ewropew, Peter Agius, li saħaq fuq il-ħtieġa li l-Kummissjoni Ewropea tiżgura li r-regoli tas-sajd jiġu applikati b’mod konsistenti mal-pajjiżi Ewropej kollha.
Agius esprima tħassib serju dwar il-fatt li s-sajjieda Sqallin u Tuneżini kienu ilhom jistadu l-lampuki sa minn Lulju, waqt li s-sajjieda Maltin kienu restritti li jibdew is-sajda tagħhom biss mill-15 ta’ Awwissu. Dan ħoloq sitwazzjoni ta’ kompetizzjoni inġusta għas-sajjieda Maltin, li kienu qed jiġu penalizzati minn regoli li jidhru li japplikaw għalihom biss.
Fil-korrispondenza tiegħu lill-Kummissarju Ewropew responsabbli mis-Sajd, Agius insista fuq il-ħtieġa ta’ monitoraġġ xieraq tal-implimentazzjoni tar-regoli Ewropej għas-sajd. Huwa sostna li s-sistemi regolatorji m’għandhomx ikunu strument ta’ żvantaġġ għas-sajjieda Maltin, u talab lill-Kummissjoni biex tiżgura li l-istess regoli jiġu segwiti minn kulħadd madwar il-Mediterran.
Huwa enfasizza wkoll li l-Ministeru responsabbli mis-sajd kellu jkun aktar vigoruż fil-ħarsien tal-interessi tas-sajjieda Maltin fil-livell Ewropew, biex jiġi evitat li pajjiżi oħra jiksru r-regoli mingħajr konsegwenzi.
//= $special ?>