Lokali

“It-taħwid fil-Labour qed iħalli effetti negattivi fuq pajjiżna” – Bernard Grech

F’intervista li kellu fuq NET Television waqt il-programm ‘Analiżi’, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech qal li iktar minn qatt qabel qed naraw Partit Laburista li hu mifni bit-taħwid – taħwid li qed iwassal għal effetti negattivi fuq il-poplu Malti u Għawdxi. Fost it-taħwid hemm il-musical chairs fi ħdan il-Labour.

Dan hekk kif bl-istedina ta’ Robert Abela lil Norma Saliba biex tkun President tal-Partit Laburista, Robert Abela qed jippremja lil min ġab l-istazzjon, suppost tal-poplu, Super One 2.

Dwar ir-racket ta’ Identità, Bernard Grech fakkar li dan huwa każ fejn il-Gvern għamel skema ta’ frodi li evadiet id-djar tagħna, u kien għalhekk li appella biex dawk li għandhom xi informazzjoni jikkuntatjaw lill-Partit Nazzjonalista sabiex tittieħed azzjoni.

Kien hawnhekk fejn appella wkoll biex il-Ministru tal-Intern, Byorn Camilleri, iwarrab mill-pożizzjoni tiegħu hekk kif il-Ministeru tiegħu jinsab mifni b’għadd ta’ skandli.

U dan apparti li anke l-Kummissarju tal-Pulizija li qed ikompli jonqos lejn il-poplu Malti u Għawdxi meta mhux qed jgħid il-verità.

Bernard Grech wiegħed li l-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jisħaq li pajjiżna jkun jaf il-verità kollha dwar fejn is-sistema naqqset lejn l-omiċidju ta’ Nicolette Ghirxi.

U mhux biss dwar dan il-każ, iżda anke fil-każ ta’ Vitals fejn issa huwa ċar, iktar minn qatt qabel, li Robert Abela interferixxa fl-investigazzjoni tal-Pulizija.