Il-kunflitt li ilu għaddej ix-xhur bejn Iżrael u l-Ħeżbollah fil-Libanu issa daħal f’fażi ferm aktar perikoluża u li tista’ tkun il-preludju għal front ta’ gwerra ġdid fil-Lvant Nofsani. Dan l-iżvilupp kapaċi jħalli r-riperkussjonijiet terribbli u katastrofiċi għar-reġjun diġà mifni bit-tensjoni u d-dmija relatati mal-Gwerra ta’ Gaza li se tagħlaq sena f’Ottubru.
Intant, il-militar Iżraeljan qal li l-qawwiet tal-ajru tiegħu, fl-aħħar sigħat, wettqu sensiela ta’ attakki preċiżi fuq il-bażijiet tal-milizzji Xiti tal-Ħeżbollah fil-Libanu. Dan, b’reazzjoni għall-informazzjoni li l-Ħeżbollah, alleat tal-Iran, kien qed iħejji attakk militari sinifikanti kontra Iżrael.
Kien proprju l-Ħeżbollah li, fil-lejl tas-Sibt, beda din il-fażi ġdida u perikuża tal-kunflitt meta spara l-mijiet tal-missili u d-drones lejn l-ibliet Iżraeljani man-naħa l-oħra tal-fruntiera. L-attakk kien l-akbar wieħed għal snin fuq Iżrael u l-Ħeżbollah, issa, qal li hu kkonkluda ‘l-ewwel fażi’ tal-assedju.
Iżda waqt li l-milizji fissru l-azzjoni bħala waħda ‘mitmuma u li laħqet it-tragwardi kollha’, l-eskalazzjoni tal-kunflitt mistennija tirranka anki fil-jiem li ġejjin. Dan fost il-possibbiltà kbira li l-Iżraeljani qed jippjanaw sensiela ta’ attakki fuq ‘it-tagħmir tal-gwerra’ tal-Ħeżbollah aktar ‘il ġewwa fil-Libanu.
L-Iżraeljani qalu wkoll li l-missili u d-drones tal-Ħeżbollah, minkejja l-qilla tal-offensiva, ikkaġunaw ftit ferm tal-ħsara f’pajjiżhom.
Min-naħa tiegħu, il-Ministeru tas-Saħħa fil-Libanu sostna li mietu numru ta’ persuni waqt l-attakki, sigħat ilu, tal-ajruplani tal-gwerra tal-Iżraeljani. Ma ntqalx jekk il-vittmi fil-Libanu kenux kollha ġellieda tal-Ħeżbollah inkella jekk setgħux inqatlu wkoll iċ-ċivili.
Fl-aħħar sigħat tkellem il-Prim Ministru Iżraeljan Benjamin Netanyahu li wissa li l-attakki tal-qawwiet tiegħu fuq il-Ħeżbollah mhumiex ‘it-tmiem tal-ist orja’.Hu hawnhekk kien qed jirreferi għall-kampanja militari ta’ Iżrael kontra l-Ħeżbollah – grupp li l-Iżraeljani jqisuh bħala theddida kbira għall-eżistenza ta’ pajjiżhom.
Netanyahu għamilha ċara li l-Iżraeljani kapaċi jiġġieldu u jiddefendu ruħhom fuq diversi fronti tal-gwerra u li Iżrael għandu joħroġ rebbieħ fi gwerra totali mal-milizji Xiti li, wkoll għandhom Armata formidabbli. Armata li qed tingħata s-sostenn fi flus u armamenti mingħand ir-reġim Iranjan tal-Ayatollah Ali Khamenei.
Intant, il-Prim Ministru Iżraeljan qal li l-qawwiet tiegħu qed imexxu l-azzjonjiet effettivi ħafna kontra l-Ħeżbollah u meta huma determinati li jnaqqsu mit-theddida għall-komunitajiet lejn it-Tramuntana ta’ Iżrael u li jmissu mal-fruntiera tal-Libanu.
//= $special ?>