Lokali

Jagħlqu n-nominazzjonijiet fil-proċess ta’ musical chairs fil-Labour

Il-Ħadd filgħodu għalaq il-perjodu ta’ nominazzjoni għall-karigi ta’ Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Parlament, Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit, u għall-karigi fl-Amministrazzjoni u fl-Eżekuttiv tal-Partit Laburista.

Għall-kariga ta’ Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Parlament, il-Kummissjoni Elettorali tal-Partit Laburista rċeviet in-nomina ta’ Ian Borg. Ian Borg huwa persuna oħra li l-klikka ta’ Joseph Muscat qed tkompli timbotta għal din il-kariga importanti fi ħdan il-Partit Labursita. Bil-Ministru deher kemm-il darba jattendi l-attivitjiet tal-aħħar kampanja elettorali flimkien mal-Eks Prim Ministru Joseph Muscat – li llum qed jaffaċċja għadd ta’ akkużi fil-Qorti b’rabta mal-iskandlu ta’ Vitals.

Għall-kariga ta’ Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit, il-Kummissjoni Elettorali rċeviet in-nomina ta’ Alex Agius Saliba. Ta’ min wieħed ifakkar li iktar kmieni dan ix-xahar, id-delegati tal-Labour iddeċidew favur bidla fl-istatut biex b’hekk Membru Parlamentari jew MEP ikun jista’ jikkontesta għal tali kariga. Dan apparti li Agius Saliba kellu diżgwid qawwi ma’ Robert Abela dwar il-fatt li ħalla lil Joseph Muscat jirkiblu l-karru elettorali, tant li Abella lil Agius Saliba ma refagħlux siġġu fir-Rialtò fl-ewwel Mass Rally wara l-elezzjonijiet.

Il-Kummissjoni Elettorali laqgħet ukoll in-nomini għall-karigi ta’ President, Viċi President, Segretarju Internazzjonali, u Segretarju Organizzattiv fi ħdan l-Amministrazzjoni tal-Partit Laburista – sitwazzjoni li verament hi waħda ta’ musical chairs.

Għall-kariga ta’ President tal-Partit Laburista, tefgħu n-nomina tagħhom Alex Sciberras u Norma Saliba. Dwar Saliba, il-Partit Nazzjonalista, permezz tas-Segretarju Ġenerali tiegħu, Michael Piccinino, ħareġ jikkritika din id-deċiżjoni hekk kif qed tkun ikkunsidrata bħala mezz kif Robert Abela jippremja lil Norma Saliba – li waqt li kienet tmexxi l-Kamra tal-Aħbarijiet tal-PBS instabet ħatja tliet darbiet li kisret id-drittijiet fundamentali tal-Partit Nazzjonalista.

Intant, għall-kariga ta’ Viċi President, tefa’ n-nomina tiegħu Louis Gatt. Għall-kariga ta’ Segretarju Internazzjonali, tefgħu n-nomini tagħhom John Grech u Georvin Bugeja. Għall-kariga ta’ Segretarju Organizzattiv, tefa’ n-nomina tiegħu William Lewis.