Żewġ persuni ġew arrestati wara li nqatlu tliet persuni f’attakk b’sikkina waqt festival fil-Ġermanja.
Skont rapporti internazzjonali, jidher li sors tkellem mal-midja affiljata mal-IS Amaq Agency iddikjara illi s-suldat li allegatament wettaq dan l-attakk kien mill-Istat Iżlamiku, bil-mottiv wara dan l-attakk tkun vendetta kontra l-Musulmani fil-Palestina.
Minkejja li ddikjara responsabbiltà, il-grupp terroristiku ma pprovda l-ebda evidenza illi kien huma li verament wettqu dan l-attakk.
L-attakk ħalla mara ta’ 56 sena, u żewġt irġiel ta’ 56 u 67 sena mejta. Bi 8 persuni jisfaw midruba, b’4 minnhom jinsabu fil-periklu tal-mewt.
Aktar kmieni:
Attakk b’sikkina ħalla tliet persuni mejta u erba’ oħra feruti f’belt Ġermaniża – attakk li seħħ waqt festival. L-aggressur għad ma ġiex identifikat, u għaddeja tfittxija kbira għalih.
Il-belt ta’ Solingen kienet qed tiċċelebra 650 sena mit-twaqqif tagħha. L-Pulizija tal-Ġermanja ħarġu 40 vettura biex ifittxu lill-allegat aggressur. Fil-post tal-aggressjoni timijiet ta’ emerġenza taw l-assistenza lin-nies midruba. Dan filwaqt li skwadri specjalizzati mblukkaw it-toroq tal-belt.
Ir-residenti ntalbu jibqgħu fi djarhom sakemm il-Pulizija għaddejin b’din l-operazzjoni delikata.
Intant, raġel li kien preżenti waqt li seħħ dan l-attakk spjega kif hu innota li kien hemm xi ħaġa ħażina meta ra l-kantanti fuq il-palk b’espressjoni stramba fuq wiċċhom. Sabiex imbagħad persuna waqgħet biss metru ‘il bogħod minnu. Il-kelliem tal-pulizija Alexander Kresta qal li bħalissa qed jassumu li kienet persuna waħda li wettqet l-attakk iżda saħaq illi m’għandhom ebda indikazzjoni ta’ fejn jinsab jew dettalji dwar id-dehra tiegħu.
Is-Sindku ta’ Solingen Tim Kurzbach esprima xokk għal dak li seħħ, u l-orrur illi naffar iċ-ċelebrazzjonijiet tal-anniversarju ta’ din il-belt. Iċ-ċelebrazzjonijiet kienu mistennija jdumu tlett ijiem, u l-belt ta’ Solingen kienet ippakkjata bin-nies.
Dawn iċ-ċelebrazzjonijiet issa tħassru b’sens ta’ luttu u solidarjeta mal-familji tal-vittmi.
//= $special ?>