Futbol Sport

Napoli jieħdu l-ewwel rebħa tal-istaġun, Roma megħluba minn Empoli

(Ritratt: EPA)

It-tim immexxi minn Antonio Conte kiseb l-ewwel tliet punti tiegħu f’dan il-kampjonat meta għeleb lil Bologna 3-0. Dak li kien staġun impressjonanti għal Bologna l-istaġun li għadda, jidher li se jkun totalment differenti wara t-tluq tal-kowċ Thiago Motta, u plejers bħal Calafiori u Zirkzee li t-tnejn qed jilagħbu fil-Premier League din is-sena.

L-ewwel gowl tal-partita wasal ftit sekondi qabel tmiem l-ewwel taqsima permezz tal-istilla Kvicha Kvaratskheila mis-suġġeriment ta’ Di Lorenzo.

Napoli għamluhom tnejn fil-75 minuta bl-istess Kvaratskheila jsib ix-xibka, bit-tielet gowl jissiġilla r-rebħa fis-96 minuta meta Giovanni Simeone kompla ġewwa, l-asssit tal-akkwist il-ġdid Neres.

Minn naħa l-oħra, Empoli wkoll ħadu l-ewwel rebħa tal-istaġun meta għelbu lil Roma li għadhom qed ifittxu l-ewwel rebħa f’dan il-kampjonat, minkejja s-suq tat-transferimenti tajjeb li kellhom.

Emanuel Gyasi sab ix-xibka wara tliet kwarti logħob għal Empoli mill-kross ta’ Pezzella, segwit minn penalty tal-attakkant Lorenzo Colombo li wasal mill-foul ta’ Paredes.

Fit-80 minuta Roma skorjaw gowl lura permezz ta’ Eldor Shomorudov, madankollu ma rnexxilhomx iwettqu r-rimonta.

Fl-ewwel partita tal-ġurnata, Fiorentina u Venezia temmew fi draw ta’ bla gowls, b’ Venezia jieħdu l-ewwel punt tagħhom hekk kif irritornaw fis-Serie A din is-sena, filwaqt li Fiorentina ħadu t-tieni punt tagħhom wara żewġ partiti.

Torino komplew bil-bidu tajjeb hekk kif f’żewġ partiti huma akkumulaw 4 punti, din id-darba meta għelbu lil Atalanta 2-1 fi Stadio Olimpico Grande Torino.

Prestazzjoni mill-aqwa mill-goalkeeper ta’ Torino Vanja Milinkovic Savic li kien fundamentali biex tasal l-ewwel rebħa għat-tim tiegħu din is-sena.

Atalanta skorjaw l-ewwel fis-26 minunta meta l-internazzjonali Taljan Mateo Retegui żblokka l-iskor mill-assist ta’ Zappacosta.

Fil-31 minuta, il-Toro Ivan Ilic għamel l-iskor indaqs bl-akkwist il-ġdid Che Adams ikun protagonista u jagħti l-aħħar suġġeriment.

Fid-49 minuta l-istess Che Adams skorja l-gowl li ta l-vantaġġ lit-tim tiegħu meta għeleb lil Carnesecchi f’lasta vojta.

Fis-96 minuta l-goalkeeper ta’ Torino kkonferma r-rebħa meta b’mod inkreddibbli laqa’ l-penalty mogħti minn Pasalic li wasal mill-foul kommess minn Lazaro fuq Cassa, bil-goalkeeper Serb għal darb’oħra jintervjeni t-tieni tentattiv wara li salva l-penalty oriġinarjament.

Is-Sibt
Udinese v Lazio 2-1
Parmma v Milan 2-1
Monza v Genoa 0-1
Inter v Lecce 2-0
Illum
Torino v Atalanta 2-1
Fiorentina v Venezia 0-0
Napoli v Bologna 3-0 Roma v Empoli 1-2
Għada
Cagliari v Como 6:30pm
H. Verona v Juventus 8:45pm