Lokali

Professjonisti kkonvinċew lil Ghirxi biex ma jsirx risk assessment

Messaġġ li ġie żvelat mit-Times of Malta juri kif Nicolette Ghirxi xtaqet tagħmel risk assessment iżda professjonisti kkonvinċewha li m’hemmx bżonn għaliex hi kienet irċiviet biss insulti u mhux theddid għal ħajjitha.

Matul konferenza tal-aħbarijiet fl-għodwa ta’ wara t-traġedja, il-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà kien qal li Ghirxi ma qagħditx għal risk assessment report mal-Pulizija għaliex hi ma xtaqitx li tagħmlu u b’hekk il-każ tqies bħala wieħed ta’ low risk.

Iżda, voice message li Ghirxi bagħtet lil ħabibtha jgħid li hi xtaqet tagħmel risk assessment iżda l-professjonisti kkonvinċewha li ma kienx hemm lok għalih. Il-messaġġ jgħid ukoll li hi setgħet terġa’ tikkuntatjahom f’każ li tiġi ffastidjata u f’dan il-każ isir ir-risk assessment.

Ghirxi kienet ikkuntatjat lill-Pulizija li Johnston jinsab Malta iżda l-ebda azzjoni ma ttieħdet.

Jiem wara, Ghirxi nstabet mejta fl-appartament tagħha stess, bl-allegat aggressur jinqatel sigħat wara l-omiċidju mill-pulizija.

Angelo Gafà kien qal li Ghirxi kienet irrifjutat li tagħmel ir-risk assessment għaliex ma ħassitix iktar f’riskju.

Meta wieħed jagħmel rapport lill-Pulizija, jekk l-uffiċjal iħoss li wieħed huwa b’riskju, isaqsi lill-vittma jekk tixtieqx li jsir risk assessment, b’Ghirxi f’dan il-każ qablet li jsir.

Iżda meta ssejjaħ professjonist minn Appoġġ, kif inhi l-proċedura, Ghirxi allegat li kkonvinċewha li m’hemmx għalfejn isir risk assessment. Il-Fondazzjoni għas-Servizzi tal-Ħarsien Soċjali qed tiċħad dan kollu.

Ta’ min wieħed ifakkar li taħt it-tmexxija ta’ Angelo Gafà rajna sitt vittmi, b’martu Sylvana li hi responsabbli għas-servizzi tal-Victims Support Unit. S’issa, la dawn il-persuni u wisq inqas il-Ministru responsabbli, Byorn Camilleri għadhom ma refgħu r-responsabbiltà għal dan il-każ.