Wasal biex jitlesta l-proġett ta’ restawr li qed isir fuq il-Knisja Parrokkjali l-Qadima tas-Salvatur, f’Ħal Lija.
Dan il-proġett huwa wieħed minn numru ta’ proġetti magħżula taħt l-Iskema tal-Kunsilli Lokali u kien ġie propost mill-Kunsill Lokali ta’ Ħal Lija, kif spjega iktar magħna s-Sindku Anthony Dalli.
L-għan ewlieni ta’ dan ir-restawr huwa li jippreserva u jipproteġi l-wirt patrimonjali importanti u imprezzabbli tal-lokalità, kif spjegalna sew patri Joe Cilia fejn qalilna li dan ir-restawr qed isir wara li sar restawr fil-Kappella tal-Madonna tal-Miraklu u l-kappella tal-belija ddedikata lit-twelid tal-Madonna.
Barra minn hekk, il-Perit Mark Azzopardi spjega kif ir-restawr inkluda bdil ta’ ġebel, tiswija kif ukoll xogħol ġdid fuq il-koppla.
Il-Knisja l-Qadima tas-Salvatur kienet tintuża bħala l-Knisja Parrokkjali ta’ Ħal Lija għal madwar seklu – mill-aħħar tas-seklu sittax sal-aħħar tas-seklu sbatax. Il-koppla ta’ din il-knisja kienet inbniet merfugħa ’l fuq mis-saqaf biex b’hekk, għall-ewwel darba fl-istorja tal-arkitettura Maltija, setgħu jitqiegħdu twieqi taħt il-koppla biex idawlu l-knisja.
Ix-xogħol kollu, mid-dokumentazzjoni tas-sit, l-applikazzjoni tal-Awtorità tal-Ippjanar sax-xogħolijiet tar-restawr. qed isiru kollha mid-Dipartiment tar-Restawr u Preservazzjoni.
//= $special ?>