Lokali

Robert Abela jinjora totalment il-kriżijiet li ħakmu lil pajjiżna

Il-ġurnali tal-Ħadd, huma ddominati mill-iskandlu tal-karti tal-identità u n-nuqqasjiet fis-sistema li wasslu għall-qtil ieħor ta’ mara f’pajjiżna – Nicolette Ghirxi.

Iżda minkejja dan, f’intervista ta’ madwar 36 minuta, fuq Super One, Robert Abela għażel li jinjora għal kollox dawn is-suġġetti li qed ikomplu jitfgħu dell ikrah fuq it-tmexxija tiegħu.

Filwaqt li kompla jtenni r-retorika ta’ Gvern li wettaq biss ġid f’pajjiżna – fejn semma’ s-sistema stabbiltà u s-supppost sussidji fil-prezzijiet tad-dawl, mingħajr ma indirizza l-kriżi tal-qtugħ tad-dawl li għadha qed tgħolli rasha sa mis-sajf tas-sena li għaddiet u l-generators barra l-bieb tal-familji Maltin u Għawdxin. Filwaqt li ftaħar dwar l-iskema stabbiltà li ħalliet ftit li xejn differenza fil-kontijiet tal-ikel tal-familji Maltin u Għawdxin.

Intant, Robert Abela, reġa’ għamel u-turn – fenomenu li huwa tant magħruf għalih – din id-darba b’rabta mal-mudell ekonomiku. Hekk kif lura f’Ottubru tal-2023, huwa kien iddikjara li pajjiżna m’għandux bżonn mudell ekonomiku ġdid.

B’Abela kien saħanistra insista li dawk li jridu bidla fil-mudell ekonomiku huma dilettanti.

Iżda, surrealment, matul l-intervista li saritlu, huwa ammetta li l-mudell ekonomiku li tant ried b’saħħa issa għandu bżonn jimxi għal wieħed ibbażat fuq kwalità u mhux kwantità – kif fil-verità bbażah hu stess, b’Abela saħanistra jitfixkel fi kliemu stess.

Il-Partit Nazzjonalista, unions u korpi kostitwiti ilhom għal dawn l-aħħar xhur jappellaw lill-Gvern għal tibdil ekonomiku… b’Robert Abela tul dawn ix-xhur kollha għażel li jibqa’ jwebbes rasu sakemm kien tard wisq.