Internazzjonali

Renju Unit: Aktar minn 200 pumpier jirrispondu għal nirien fi blokka fil-lvant ta’ Londra

Aktar minn 200 pumpier qed jirrispondu għal nirien f’Dagenham, fil-lvant ta’ Londra, fejn aktar minn 100 persuna, inklużi tfal, ġew evakwati. Il-bini residenzjali u kummerċjali b’użu mħallat, kien magħruf li ma kellu “l-ebda kwistjoni ta’ sigurtà kontra n-nirien.” Applikazzjoni għall-ippjanar mill-2023 uriet li l-bini kien mgħotti b’kisi “mhux konformi”.

Id-duħħan seta’ jidher tiela’ fis-sema hekk kif wieġbu 40 karozza tat-tifi tan-nar u 225 pumpier. Is-servizzi tal-emerġenza ssejħu għall-ħabta tas-2.44am, u l-ewwel servizzi ta’ emerġenza waslu fil-blokka fi żmien ħames minuti. Erba’ persuni ngħataw kura fuq il-post, u tnejn oħra ttieħdu l-isptar. Il-binja kollha kienet affettwata min-nirien.

Il-kawża tan-nirien għadha mhux magħrufa iżda ġie ddikjarat bħala inċident devastanti. Andy Roe, il-Kummissarju li jieħu ħsieb il-pumpieri, qal li minnufih saret evakwazzjoni simultanja sħiħa tal-bini u għaddejja operazzjoni sinifikanti ta’ tiftix u salvataġġ.

Tagħmir ġdid bħal drones u turntable ladders ta’ 64 metru qed jintużaw bħala “torrijiet tal-ilma” sabiex titwassal l-provista tal-ilma għan-nar. Is-servizzi tal-emerġenza żammew preżenza kbira fuq il-post aktar tard it-Tnejn filgħodu filwaqt li ġie stabbilit ċentru ta’ mistrieħ fiċ-Ċentru ta’ Divertiment Becontree Heath. Id-Deputat Lokali Margaret Mullane qalet li l-ġrieħi min-nirien kienu “minimi” u li kienet se żżur iċ-ċentru tal-mistrieħ aktar tard matul il-ġurnata.