Raġel mit-Turkija ta’ 41 sena, residenti Birżebbuġa, ġie mmultat €3,300 wara li nstab ħati li saq waqt li kien fis-sakra u għalhekk ta’ periklu għaih u għal terzi persuni. Il-każ seħħ sbieħ it-30 ta’ Diċembru tas-sena li għaddiet, fit-Triq tal-Barrani, fiż-Żejtun.
Ozkan Balik inqabad mill-Pulizija li kienu għaddejjin mill-inħawi fejn innutaw karozza għaddejja min-nofs tat-triq. Meta għamlulu sinjal biex jitfa’ l-karozza fuq il-lemin ġibed lejn ix-xellug u wara lejn il-lemin. Il-pulizija waqqfu lir-raġel.
Huma innutaw li kien taħt l-effett tal-alkoħol u kellu riħa ta’ xorb qawwija waqt li ma kienx kapaċi jgħaqqad sentenza waħda meta ġie mitkellem. Meta l-pulizija għamlulu test tal-breathalyser, irriżulta li l-livell kien ta’ 126mg f’100 millilitru ta’ nifs. Dan meta l-limitu preskritt huwa ta’ 22mg.
Meta l-pulizija talbuh il-liċenzja tas-sewqan huwa qalilhom li ma kellux. Minbarra l-multa, il-Maġistrat Jean Paul Grech skwalifikah milli jkun fil-pusses tal-liċenzja tas-sewqan għal 12-il xahar.
Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Rachel Aquilina.
//= $special ?>