L-Awtorità tal-Ippjanar ġiet ikkritikata mill-Perit Alex Torpiano għad-deċiżjoni tagħha li tapprova applikazzjoni biex jinbnew 29 appartament, 20 garaxx, u pool fis-Sannat. Dan minkejja ksur fir-regolamenti.
Permezz ta’ artiklu fit-Times, Torpiano spjega kif it-Tribunal tal-Appelli kkonferma l-approvazzjoni tal-permess, li wassal għal appell ippreżentat minn Din l-Art Ħelwa. Il-Qorti qablet li l-livell approvat tal-pool u tal-penthouses ma kellux jiġi approvat, u ddeċidiet li din il-parti tal-permess tiġi revokata.
It-Tribunal tal-Appelli ma kienx qabel mat-talba biex jiġi sospiż il-permess waqt li l-każ ġie deċiż.
U sakemm il-Qorti rrevokat il-permess għal dawk il-partijiet tal-proġett li kienu qed jiksru r-regolamenti, il-post kien diġà nbena u nbiegħ.
Wara, saret applikazzjoni biex jiġi emendat il-permess għat-tneħħija tal-pool u tal-penthouses, iżda ma ttieħdet l-ebda azzjoni biex jitneħħew il-partijiet li kienu nbnew illegalment.
Il-Vici President ta’ Din l-Art Ħelwa sahaq li issa jqumu għadd ta’ mistoqsijiet, u staqsa kif jista’ jkun iċ-Chairperson Eżekuttiv jaċċetta kwalunkwe dikjarazzjoni mill-applikant jew kwalunkwe uffiċjal tal-ippjanar li l-proposta kienet konformi mal-pjanijiet, u r-regolamenti kollha, meta d-deċiżjoni tal-Qorti tal-Appell kienet waħda ċara.
Huwa insista li Gvern li jinjora l-Qrati jfisser żvilupp ferm perikoluż għad-demokrazija, u mhux inqas għall-implikazzjonijiet usa’ għaċ-ċittadini kollha ta’ Malta li jħarsu lejn il-Qrati bħala post indipendenti mingħajr l-ebda ndħil.
Torpiano għalaq billi qal li l-Prim Ministru wiegħed sistema aħjar ta’ kif jiġu ttrattati t-talbiet għas-sospensjoni tal-permessi li jkunu għadhom fl-appell. U wissa kemm huwa perikoluż li n-nies jitħallew jibnu fuq il-bażi ta’ permessi dubjużi waqt li jkunu taħt appell.
//= $special ?>