Hu biss billi ssir inkjesta indipendenti dwar il-femiċidju ta’ Nicolette Ghirxi li jkun żgurat li l-affarijiet jitjiebu u nisa oħrajn ikunu protetti qabel ma jkun tard wisq.
Dan kien wieħed mill-messaġġi li x-Shadow Ministers Darren Carabott u Graziella Attard Previ taw f’konferenza tal-aħbarijiet fejn sostnew li l-pajjiż irid jassigura li b’impenn sħiħ, ikun implimentat it-tibdil mitlub waqt li tenna li ma jistax ikun li tintilef ħajja oħra u l-familja tkun imċaħħda mill-verità.
Ix-Shadow Ministers qalu li l-Partit Nazzjonalista jinnota li hemm bżonn li l-Gvern jaħtar inkjesta indipendenti li tkopri s-sens aktar wiesa’ ta’ fejn seta’ falla l-Istat – inkluż kull entità governattiva – u mhux rabat tali inkjesta limitatament mal-operat tal-uffiċjali fi ħdan il-Korp tal-Pulizija kif inhu stabbilit fil-funzjonijiet tal-Bord Indipendenti għall-Ilmenti dwar il-Pulizija partikolarment f’artikolu 36 ta’ Kapitolu 164 tal- Liġijiet ta’ Malta. Il-kelliema tennew li t-talba tal-Oppożizzjoni tibqa’ dik għall-inkjesta taħt id-dispożizzjonijiet ta’ Kapitolu 273 tal-Liġijiet ta’ Malta – l-Att dwar l-Inkjesti, kif ġara f’każijiet oħra.
Inqal li l-Partit Nazzjonalista qiegħed jitlob lill-Gvern sabiex mhux biss jaħtar inkjesta indipdendenti iżda wkoll jiddikjara li la darba jkun konkluż ir-rapport tal-inkjesta dwar il-qtil ta’ Nicolette Ghirxi, dan ir-rapport għandu jiġi ppubblikat mingħajr dewmien. Fl-istess waqt, il-Partit Nazzjonalista qiegħed jirreģistra t-talba pubblika tiegħu li wara l-konklużjoni u l-pubblikazzjoni tar-rapport, għandhom jiġu ddedikati numru ta’ seduti parlamentari fil-plenarja li fihom id-diskussjoni miftuħa tkun iffukata fuq il-qtil ta’ Nicolette Ghirxi u l-vittmi ta’ vjolenza domestika u femiċidju.
Il-Partit Nazzjonalista jagħmilha ċara wkoll, li tali seduti tal-inkjesta indipendenti għandhom isiru fil-pubbliku. Il-pubbliku Malti għandu d-dritt ikun jaf, u l-Gvern għandu l-obbligu li jinforma dwar dak li se jkun qed jiġi stabbilit fis-smiegħ tas-seduti.
Il-kelliema sostnew li mingħajr preġudizzju għat-tliet persuni maħtura sabiex jiffurmaw il-Bord, hi ħasra n-nuqqas ta’ preżenza ta’ mara fuq tali Bord – b’mod partikolari meta qed nitkellmu dwar qtil ta’ mara u kif is-sistema naqset lill-vittma mara ta’ vjolenza domestika.
Matul il-konferenza tal-aħbarijiet il-kelliema enfasizzaw dwar il-falliment tas-sistema f’pajjiżna, fejn is-sistema mhux qed tuża għodda jew mhux tingħata għodda effettiva biex jidentifikaw il-persuni, il-vittmi, li jkunu qed isofru l-vjolenza domestika. Intqal ukoll li r-rapporti tal-vjolenza domestika komplew jiżdiedu mill-2020 ‘il hawn u li pajjiżna llum għandu aktar minn 7,000 każ ta’ rapport ta’ vjolenza domestika. Din iċ-ċifra tkompli turi u żżid il-ħtieġa ta’ kemm jeħtieġ li l-entitajiet kollha li jmissu ma’ dan il-qasam jingħataw l-importanza kollha possibbli.
Ix-Shadow Ministers tal-Partit Nazzjonalista qalu li minn dak żvelat ilbieraħ mis-Sunday Times of Malta qed joħroġ ċar li l-Kummissarju tal-Pulizija gideb fl-informazzjoni li ta lill-ġurnalisti wara il-qtil ta’ Nicolette Ghirxi.
L-evidenza ppubblikata mill-midja turi kif il-vittma maqtula Nicolette Ghrixi, bagħtet messaġġi tistqarr li dakinhar illi għamlet il-kuraġġ sabiex tagħmel rapport, ġie ssuġġerit lilha fid-Depot tal-Pulizija li ma jsirx risk assessment. Dan imur direttament kontra dak li qal il-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà f’konferenza tal-aħbarijiet imtella’ sigħat wara l-femiċidju.
Huwa ċar li quddiem il-ġurnalisti, u quddiem il-poplu Malti u Għawdxi kollu, Angelo Gafà gideb u prova jixħet il-ħtija fuq il-vittma li kienet għadha kif ġiet imħabbra mejta. Għal darb’oħra, il-Partit Nazzjonalista jtenni li l-pożizzjoni ta’ Angelo Gafà mhix tenibbli.
//= $special ?>