Lokali

L-Awtorità tax-Xandir tibqa’ tiddefendi d-deċiżjoni li ħadet dwar l-RTK

L-Awtorità tax-Xandir qed tibqa’ tinsisti li mxiet mal-liġi u li qed tinterpreta l-liġi kif inhi. Dan b’referenza għall-kontroversja li faqqgħet dwar il-multa li ngħatat lill-RTK rigward Norman Lowell.

L-Awtorità insistiet li dak li qed jixxandar f’diversi mezzi tax-xandir juri li min qed jirrapporta u jikkritika ma qarax il-liġi fil-kuntest tad-deċiżjoni… u lanqas ma qara d-deċiżjoni fl-intier tagħha.

Barra minn hekk, fid-deċiżjoni tagħha l-Awtorità qatt ma tkellmet fuq spazju lill-kandidati tal-partiti, inkluż kandidati tal-Partit Imperium Europa. Il-liġi titkellem dwar veduti u mhux dwar kandidati.

L-Awtorità wieġbet ukoll dwar is-Segretarju tal-Bord u fakkret li dan m’għandu l-ebda rwol ta’ deċiżjoni fi ħdan il-Bord tal-Awtorità tax-Xandir. Apparti minn hekk, ċaħdet li s-Segretarju ma riedx jirrikuża ruħu fid-deciżjoni li kienet ingħatat.