Lokali

Norma Saliba ‘mislufa’ mill-PBS u se tikkontesta għal mal-Labour

Iċ-Chairperson tal-PBS, Mark Sammut, ma weġibx jekk hux komdu jew le bil-fatt li l-Eks Kap tal-Kamra tal-Aħbarijiet tax-Xandir Pubbliku u li għadha fuq il-kotba tal-PBS, xeħtet in-nomina tagħha għall-President tal-Partit Laburista.

Is-Sibt waranofsinhar Net News staqsa lil Sammut permezz ta’ e-mail jekk Saliba, fil-fatt, għadhiex fuq il-kotba tal-PBS u jekk hux komdu b’dawn l-iżviluppi – b’Mark Sammut jisħaq li fix-xhur li għaddew il-fatti ġew ampjament stabbiliti. U saħansitra stqarr li din kienet kwistjoni magħrbla mill-Kummissarju tal-Istandards.

F’Jannar, il-Kummissarju kien saħaq li kien hemm anomaliji fil-ħatra tagħha maċ-Ċentru tal-Ilsien Malti u enfasizza li kien hemm inkonsistenzi bejn il-ftehim li permezz tiegħu ċċaqalqet mix-Xandir Pubbliku b’self u l-kuntratt ta’ xogħol tagħha.

Skont il-kuntratt, Norma Saliba qed tingħata salarju ta’ €42,000 fis-sena – iżda apparti din is-somma hija għandha numru ta’ ‘allowances’ inkluż żieda ta’ €750 fis-sena. Fost dawn l-allowances hi qed tingħata ‘l fuq minn €4,500 għal spejjeż marbuta ma’ trasport kif ukoll bonus li jaqbeż is-€6,000.

Il-fatti huma li Norma Saliba hija mislufa mill-PBS – u ċioè għadha impjegata tax-Xandir Pubbliku – minkejja r-rwol li qed tokkupa ta’ Kap Eżekuttiv taċ-Ċentru tal-Ilsien Malti – kif ikkonferma l-Ministru Owen Bonnici mal-Malta Independent lura f’Settembru.

Ma’ Net News, Sammut ħarab milli jwieġeb b’mod ulterjuri u insista li peress li qed taqdi l-funzjoni ta’ CEO f’dan iċ-ċentru, ma kellux aktar kummenti x’jagħti – minkejja li għadha fuq il-kotba tal-PBS.

Dan l-istazzjon għamel sensiela ta’ domandi lil Norma Saliba nnifisha, fejn fost oħrajn staqsejniha jekk hux se tibqa’ tokkupa r-rwol tagħha bħala CEO f’entità pubblika issa li qed tikkontesta għal-kariga fit-tmexxija ta’ partit politiku jew saħansitra fl-eventwalità li din tiġi eletta. S’issa għadna mingħajr risposta mingħand l-Eks Kap tal-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ PBS.