Festi Knisja Lokali

San Gejtanu jibda triqtu lejn Ruma

Il-vara artistika ta’ San Gejtanu, li ssawret minn Karlu Darmanin, se tkun parti minn pellegrinaġġ f’Ruma biex jitfakkar il-500 anniversarju mit-twaqqif tal-Ordni tal-Patrijiet tat-Teatini – ordni li kien waqqaf San Gejtanu stess, fl-1524.

Il-vara telqet mill-Ħamrun tard il-Ħadd filgħaxija, u ttieħdet l-Italja bil-baħar.

Grupp ta’ Ħamruniżi se jżuru l-belt tal-Vatikan, fejn il-vara se tkun esposta fil-Bażilika Minuri ta’ San Andrea della Valle. Il-pellegrinaġġ se jikkonkludi fil-Bażikila ta’ San Pietru fil-Vatikan, bis-sehem taż-żewġ baned Ħamruniżi. Il-vara se tagħmel xahar f’Ruma u terġa’ lura Malta f’Ottubru, wara dawn iċ-ċelebrazzjonijiet.

L-anniversarju tat-Teatini qed ifakkar il-500 sena minn mindu twaqqfet il-Kongregazzjoni tal-Kjeriċi Regolari. Dawn ir-reliġjużi huma magħrufa bħala l-patrijiet Teatini. U San Gejtanu, dak iż-żmien, kien magħruf bħala Gaetano dei Conti di Thiene.

F’Ruma l-patrijiet Teatini jieħdu ħsieb is-servizz liturġiku kollu tal-Bażilika Minuri ta’ San Andrea Della Valle; servizz li ilhom iwettqu sa mil-pontifikat tal-Papa Klement VII.

Għal din il-festa li qed tfakkar il-fondazzjoni ta’ dawn il-patrijiet, it-Teatini mid-dinja kollha qed jinġabru f’Ruma sabiex jipparteċipaw fiċ-ċelebrazzjonijiet kbar li se jsiru – u għalhekk huwa sinifikanti li preżenti se jkun hemm ukoll il-vara ta’ San Gejtanu.

Din l inizjattiva bil-vara ta’ San Gejtanu kienet koordinata mill ambaxxatur Frank Zammit.