Lokali Qorti

Taparsi tgħix f’lukanda bħala turista meta fil-fatt kienet taħdem f’dar bħala prostituta

Kolumbjana li f’pajjiżha kienet tagħmel xogħol ta’ ‘sales girl’ u anke xogħol ta’ prostituzzjoni, qalet li biex daħlet Malta kellha ‘booking’ f’lukanda li kien ingħata lilha mill-Kolumbja stess, u dan sabiex għall-awtoritajiet tidher li kienet ġiet Malta bħala turista.

Tenniet li fid-dar fejn qalulha biex tmur taħdem kien hemm ukoll tfajla oħra li tagħmel l-istess xogħol. Qalet ukoll li min rranġa kollox kien jgħid li jismu “Miguel”, li għarfet fl-iżbarra bħala Clint D’Amato. Dan ħareġ meta quddiem il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech kompliet il-kumpilazzjoni fil-konfront ta’ tmint irġiel u mara mir-Rumanija akkużati b’reat b’rabta ma’ traffikar uman, ħasil ta’ flus, organizzazzjoni kriminali fost akkużi oħrajn.

L-akkużati huma Luke Farrugia ta’ 36 sena mill-Gżira, Clint D’Amato ta’ 36 sena mill-Gudja, Denzil Farrugia ta’ 19-il sena minn Tas-Sliema, Kane Vassallo ta’ 22 sena mis-Siġġiewi, Gordon Cassar ta’ 44 sena mill-Kalkara, Dylan McKay ta’ 30 sena mill-Fgura, Luca Corito ta’ 21 sena mill-Isla kif ukoll Nicolae Efimov ta’ 37 sena u Alexandra Pocora ta’ 32 sena li huma mir-Rumanija.

Il-mara Kolumbjana qalet li f’pajjiża x-xogħol tagħha kien bħala ‘sales girl’ u xi kultant kienet tagħmel ix-xogħol ta’ ‘Escort’. Dan jinvolvi servizzi sesswali u li l-klijenti kienu jsibuha permezz ta’ sit fuq l-internet. Spjegat li fil-Kolumbja l-prostituzzjoni hi legali u dan ix-xogħol jista jsir f’barijiet jew fit-toroq.

Tenniet li kienet kostretta tagħmel dan ix-xogħol biex tmantni lill-familjari tagħha, inkluż lil bintha. Ix-xhud spjegat li saret taf li tista’ tagħmel l-istess xogħol f’Malta grazzi għal xi ħbieb tagħha. Permezz ta’ WhatsApp chat, il-ħabiba tagħha wkoll mill-Kolumbja għadditilha l-informazzjoni ta’ x’kien jinvolvi l-istess xogħol.

Ix-xhud sostniet li l-ħabiba tagħha kienet taf f’hiex kien jikkonsisti dan ix-xogħol għax kienet tagħmlu hi wkoll. Qalet li fl-istess group chat, ħafna escorts jibagħtu informazzjoni dwar xogħol simili f’pajjiżi differenti madwar id-dinja.

Ix-xhud qalet li meta ddeċidiet li tiġi Malta, il-ħabiba tagħha tagħtha kuntatt, u dan il-kuntatt taha informazzjoni dwar il-vjaġġ lejn Malta. L-arranġamenti ta’ vvjaġġar kienu jinvolvu l-biljetti tal-ajru u li kellha ġġib magħha €500 fi flus kontanti u dan minħabba li kienet se tippreżenta ‘Tourist Visa’.

Il-Kolumbjana qalet ukoll li l-vjaġġ kien jiswa €3,700, Dan jitlaq mill-Kolumbja, jieqaf Madrid u mbagħad jispiċċa Malta. Qalet li l-ħlas tat-titjiriet kellha tħallashom permezz tal-prostituzzjoni, kif tibda taħdem Malta.

It-tfajla spjegat li l-WhatsApp chat kellu funzjoni li l-messaġġi jisparixxu wara 24 siegħa u din il-funzjoni kienet ġiet issettjata mill-istess kuntatt li taha l-informazzjoni kollha dwar il-prostituzzjoni f’Malta. It-tfajla qalet li ngħatat struzzjoni li kellha tiċċargja lill-irgiel €50 għal nofs siegħa sess, u €150 għal kull siegħa.

Kompliet tgħid li min kien jitlob servizzi sesswali addizzjonali, kienet titlobhom aktar flus skont dak mitlub mill-klijent, liema flus kienet iżżommhom hi.” Il-Kolumbjana qalet ukoll li r-rati kienu jidhru wkoll fuq il-WhatsApp chat u li l-flus kienu jinqasmu 45% għal min iħaddimha u 55% għaliha.”

Kompliet tgħid li meta waslet Malta, ċemplet lil kuntatt, li kien jidentifika ruħu bħala ‘Miguel’, u dan ġie għaliha u ħadha fid-dar fejn kienet se tipprostitwixxi ruħha. Fid-dar, spjegat li kienet bi kmamar tas-sodod normali u kċina, inkluż kmamar fejn isir ix-xogħol li kienu mitluba jagħmlu.

Qalet ukoll li fid-dar kien hemm diġà tfajla li bdiet tagħmel l-istess xogħol. Il-Kolumbjana qalet li ma kellhiex ċavetta tad-dar iżda setgħet tidħol u toħrog x’ħin trid. Minkejja dan, qalet li ħarget mid-dar biss darbtejn biex tibgħat xi flus f’pajjizha.

Dan għaliex kienet moħħa biss fix-xogħol, biex tħallas lura l-flus tal-vjaġġ mill-aktar fis possibbli. Ix-xhud qalet li fil-lejl tal-ewwel ġurnata mill-ewwel daħal klijent. Mitluba tidentifika lil ‘Miguel’ fl-awla, ix-xhud ippuntat lejn Clint D’Amato.

Ix-xhud qalet li ma kellhiex ħinjiet fissi u għażlet li taqdi lill-klijenti mill-4pm sa 2am. Spjegat li f’ġurnata waħda kien ikollha bejn ħamsa u sitt klijenti. Il-flus li taqla’ kienu jitħallew fuq mejda fid-dar u Clint D’Amato kien jiġborhom kuljum f’xi ħin tal-ġurnata.

Hi qalet li kienet tgħix u tixtri x’tiekol waqt li kienet fid-dar, mill-flus li kienet taqla’ mis-servizzi addizzjonali li jintalbu mill-irgiel. F’10 ijiem li għamlet fid-dar, irnexxielha tagħmel €1,500 flus addizzjonali. Tgħid ukoll li apparti l-ammont addizzjonali, irnexxielha taqla’ €2,000 iżda l-istess ammont marru għand ‘Miguel’ bħala ħlas lura tat-titjira.

Waqt il-kontro-eżami, l-avukat Roberto Montalto staqsa lit-tfajla jekk tixtiqx tmur lura l-Kolumbja u x’żammha milli tibqa’ Malta. It-tfajla qalet li xtaqet tibqa’ Malta inkluż qabel l-pulizija daħħlu fid-dar u dan għaliex hija xtaqet taqla’ ammont ta’ flus qabel tmur lura pajjiżha.

Minkejja dan, it-tfajla qalet ukoll li issa tixtieq tmur lura imma baqgħet Malta minħabba l-proċeduri fil-Qorti”. Il-Kolumbjana stqarret li l-passaport u l-mowbajl tagħha jinsabu għand il-pulizija. L-ispettur John Spiteri spjega li bħalissa għaddej proċess mill-awtoritajiet flimkien mal-Aġenzija Appoġġ biex ix-xhieda vittmi jmorru lura pajjiżhom, fuq titjiriet siguri.

Meta l-avukat Franco Debono ssuġġerixxa li l-mara setgħet tixtri l-biljett tat-titjira tagħha stess biex tevita li jkollha taħdem biex tħallas id-dejn, qalet li kienu qalulha li setgħet tixtrihom kieku riedet, iżda qalet li ma kellhiex biżżejjed flus biex tħallas.

Qalet ukoll li f’10 ijiem f’Malta qalgħet madwar €4,000 qabel it-tnaqqis l-ispejjeż li kellha tħallas lura, u żiedet li fil-Kolombja kieku kienet taqla’ ħames miljun pesos, li meta jinqalbu f’ewro jammontaw għal madwar €1,100.

L-avukat Mario Mifsud staqsa lix-xhud jekk xi ħadd mill-prosekuzzjoni qalilhiex, li jekk mhux se tikkollabora bħala vittma, se tiġi deportata. It-tfajla wieġbet fin-negattiv, u qalet li kkollaborat għax beżgħet li tispiċċa f’aktar inkwiet.

L-avukat Charles Mercieca staqsa lix-xhud, kif l-akkużati kienu jittrattaw lilha u lit-tfajliet l-oħra. Hija qalet li qatt ma kienet maltrattata u meta kienet tkun ma tiflahx, saħansitra l-akkużati ġabulha l-mediċina. Qalet ukoll li ħadd mit-tfajliet ma kien abbużat jew sfurzat.

Tixhed vittma Kolumbjana oħra involuta fil-prostituzzjoni

Vittma oħra ta’ 28 sena mill-Kolumbja, xehdet ukoll fil-każ fejn spjegat li f’pajjiżha kienet tagħmel ix-xogħol ta’ ‘escort’, li kien jinkludi servizzi sesswali. Ta’ dan l-irġiel kienu jħallsulha dak li trid, inkluż safar hija qalet.

Tenniet li però kienet ilha ‘l bogħod mill-prostituzzjoni għal sena u nofs wara li sabet ġuvni u bdiet relazzjoni miegħu. Minkejja dan, it-tfajla qalet li kienet fi grupp fuq WhatApp li fih kienu jagħtu informazzjoni dwar xogħol ta’ prostituzzjoni f’Malta, inkluż ingħatat numru fejn setgħet tagħmel kuntatt u tibda tagħti servizz.

Hija ddeċidiet tagħmel kuntatt u ntalbet tibgħat ritratti tagħha sabiex tiġi aċċettata u tibda taħdem. Hija ġiet aċċettata mill-ewwel u ngħatat ukoll il-kundizzjonijiet tax-xogħol. Qalet li meta giet f’Malta kienet ilha biss jumejn qabel il-pulizija daħħlet fil-burdell. Xehdet li kif waslet kellha żewg klijenti mill-ewwel.

It-tfajla qalet ukoll li meta waslet Malta, ġie raġel għaliha u għat-tfajla l-oħra li giet magħha, persuna l-ajruport, u kellu joħodha ġo lukanda. Mitluba tidentifika lill-persuna fost l-akkużati, ix-xhud ippuntat lejn Clint D’Amato.

Qalet li hija tafu bħala ‘Mig’. Meta waslu d-dar hu għenhom itellgħu l-bagalji u telaq. Spjegat ukoll li ‘Mig’ wassalha għand erba’ klijenti, tnejn is-Sibt u tnejn il-Ħadd. It-tfajla qalet li dawn il-klijenti ġew iċċarġjati madwar €70 ta’ nofs siegħa jew €150 ta’ siegħa minħabba li s-servizz ingħata barra d-dar.

Kompliet tgħid li wħud mill-klijenti talbu sess orali b’xi drabi mingħajr protezzjoni. Mis-€600 li ħallsu l-erba’ klijenti, qalet li ma ħadet xejn. “Qalulna li ser jagħtuna l-flus wara li nitilqu minn Malta” kompliet il-Kolumbjana.

Ix-xhud sostniet li parti mill-flus li kienet taqla’ kienu jittieħdu bħala kirja biex tirrisjedi fid-dar. Tenniet li spiċċat f’dan iċ-ċirku kriminali għaliex ma baqgħetx mal-għarus tagħha li kien imantni lilha u liż-żewg uliedha u għalhekk spiċċat tfendi għal rasha.

Waqt il-kontro ezami, it-tfajla qalet li meta ġew il-pulizija, ħadd ma infurmaha li kienet vittma ta’ traffikar uman. Bħax-xhud l-oħra qalet li qatt ma kienet sfurzata jew abbużata, kemm mill-akkużati u anke mill-klijenti.

Minkejja dan, qalet li “Mig kien itiha struzzjonijiet dwar il-klijenti tagħha, inkluż ukoll dwar il-postijiet fejn kienet tkun se tiltaqa’ mal-irġiel. Meta d-difiża staqsiet jekk ġietx Malta qabel dawn l-episodji, it-tfajla qalet li ġiet darbtejn oħra.

Il-każ ikompli nhar l-Erbgħa li ġej fid-9am fejn aktar xhieda mistennija jagħtu d-depożizzjoni tagħhom.

Il-prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Ispetturi John Spiteri, Joseph Xerri u Dorianne Tabone flimkien mal-Avukati Ramon Bonett Sladden u Charmaine Abdilla mill-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. Għall-akkużati qed jidhru l-Avukati Franco Debono, Marion Camilleri, Adreana Zammit, Mario Mifsud, Nicholas Mifsud, Charles Mercieca, Roberto Montalto, Etienne Borg Ferranti, Joe Giglio, Michaela Giglio u Kathleen Calleja Grima waqt li l-Avukat Lara Dimitrijevic qed tidher għall-vittmi.