Il-Kamra tal-Kummerċ tippreżenta dokument ta’ qabel il-budget
Il-Gvern irid jimxi mill-paroli għal fatti. Ma jistax jibqa’ jisma’ biss, iżda jrid jaġixxi mill-aktar fis u jindirizza t-tħassib ġenwin. Ċertu affarijiet kritċi għandhom jiġu indirizzati b’mod urġenti. Hemm bżonn ta’ CPR.
Huwa dan l-appell li twassal mill-Kamra tal-Kummerċ hekk kif it-Tnejn waranofsinhar ippreżentat il-proposti tal-pre-budget document tagħhom.
Il-Kamra tal-Kummerċ insistiet li fl-aħħar sena l-Gvern falla f’numru ta’ affarijiet, inkluż sistemi kritiċi li potenzjalment qed jaffettwaw is-sigurtà u l-istabbiltà tal-pajjiż – nuqqasijiet li skont l-istess Kamra jaf ikollhom konsegwenzi devastanti għar-reputazzjoni internazzjonali ta’ Malta.
Preċiżat tgħid li huwa ta’ tħassib kif l-istħarriġ tal-Eurobarometer dwar il-korruzzjoni, ippubblikat f’Lulju, wera li 95% tal-Maltin jemmnu li l-korruzzjoni hija waħda rampanti – u 25% minnhom jafu lil xi ħadd li xaħħam uffiċjal pubbliku.
Il-Kamra tal-Kummerċ hija mħassba wkoll dwar iċ-ċaqliq eċċessiv ta’ persuni f’karigi kemm fil-Kabinett, kif ukoll entitajiet u awtoritajiet governattivi hekk kif saħqet li dan qed jikkawża instabbiltà għall-pajjiż.
Intant ġie spjegat li mill-219-il proposta mressqin ‘il quddiem mill-Kamra tal-Kummerċ bi tħejjija għall-aħħar budget, il-Gvern implimenta biss 1.8% jew aħjar 4 biss b’mod sħiħ.
Net News tkellem mal-Kap Eżekuttiv tal-Kamra tal-Kummerċ, Marthese Portelli, fejn insistiet dwar il-bżonn li l-Gvern jibda jaġixxi minnufih sabiex jindirizza l-problemi li pajjiżna qed iħabbat wiċċu magħhom.
Il-Kamra tal-Kummerċ qed tipproponi numru ta’ ideat fejn fost l-oħrajn qed tisħaq fuq il-kompettitività, li skont il-Kamra għandha tkun l-ogħla prijorità għall-ekonomija ta’ pajjiżna u li huwa kruċjali li nimxu għal mudell ekonomiku li mhux dipendenti fuq tkabbir ta’ popolazzjoni; mudell ekonomiku li jelimina l-klijentaliżmu u jippremja l-bżulija.
Fost id-diversi proposti, il-Kamra qed tipproponi pjan u xogħol serju u estensiv li jindirizza d-distribuzzjoni tad-dawl u sistema ta’ drenaġġ u ilma li tagħti garanzija għat-30 sena li ġejjin. Filwaqt li l-Kamra insistiet li l-Gvern jonqsu jagħmel ħafna b’rabta mal-enerġija rinnovabbli. Ġie wkoll propost li titniżżel għal ZERO il-VAT fuq sistemi fotovoltajiċi.
Il-Kamra tal-Kummerċ saħqet fuq pjan serju b’rabta mal-imwejjed u siġġijiet fil-lokalitajiet – a one national policy, filwaqt li biex jiġi evitat ir-rebus dwar l-għeluq ta’ toroq li qed nesperjenzaw f’pajjiżna, ġiet proposta sistema waħda ta’ maniġġjar ta’ permessi – minn proġetti ta’ Infrastructure Malta, sa permessi mill-Kunsilli Lokali.
Il-Kamra tal-Kummerċ proponiet ukoll li n-nofs ta’ nhari tas-settur pubbliku jirriflettu l-ħinijiet tal-privat u għaldaqstant sar appell li jkun hemm xiftijiet varji – iżda ġie preċiżat li servizzi bħal tad-dwana għandhom ikunu miftuħin 24 siegħa kuljum minħabba li jaqdu klijentela internazzjonali.
Intant, għal darb’oħra l-Kamra qed tisħaq sabiex il-Gvern ma jibqax jintaxxa l-għajnuna tal-COLA.
Il-Kamra qed tisħaq li ma fadalx aktar żmien x’jinħela – u huwa importanti li issa l-Gvern jibda jiċċaqlaq b’serjetà.
//= $special ?>