Skont ċifri maħruġa mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika dwar inċidenti fuq il-post tax-xogħol, irriżulta li fl-ewwel sitt xhur tas-sena kien hemm erba’ ħaddiema li mietu waqt li kienu xogħol.
Tnejn mietu fil-qasam tal-kostruzzjoni fejn sofrew minn korriment f’rashom, filwaqt li t-tnejn l-oħra tilfu ħajjithom f’postijiet oħrajn.
Dan l-ammont ta’ erba’ vittmi f’sitt xhur ifisser tlieta aktar mill-istess perjodu s-sena l-oħra.
L-imwiet kollha li seħħew fuq il-post tax-xogħol involvew irġiel, ċittadini ġejjin minn pajjiżi mhux tal-Unjoni Ewropea u ħaddiema f’impjiegi elementari.
Fl-24 ta’ Frar tilef ħajtu raġel ta’ 43 sena mill-Ghana wara li waqa’ madwar żewġ sulari waqt li kien qed jagħmel xi xogħol fiz-Zona Industrijali tal-Marsa.
Fl-20 ta’ April, raġel ta’ 31 sena residenti Ħaż-Żebbuġ, miet wara li sfronda saqaf ta’ dar fejn kien qed isir xi xogħol f’binja fi Triq Sant Injazju, Tas-Sliema.
Imbagħad fit-13 ta’ Mejju, żagħżugħ ta’ 21 sena minn Wied il-Għajn ħa xokk waqt li kien qed jagħmel xi xogħol fi Triq Mater Boni Consili, fil-Fgura.
U fis-27 ta’ Ġunju, ħaddiem tilef ħajtu traġikament wara li ħa xokk waqt li qed jarma scaffolding f’San Ġiljan.
Fl-ewwel nofs tas-sena 2024, kienu rrappurtati 1,085 inċident mhux fatali fuq il-post tax-xogħol.
L-akbar għadd taʼ inċidenti ġraw fil-qasam tal-manifattura. Il-qasam tal-Kostruzzjoni kellu 143 inċident.
70% taʼ dawk involuti f’incidenti mhux fatali fuq il-postijiet tax-xogħol kienu Maltin.
L-NSO stqarr li l-inċidenti mhux fatali żdiedu bi 23 fuq l-istess sitt xhur tas-sena l-oħra, u kważi terz tal-korrimenti fuq il-post tax-xogħol kienu jaffettwaw id-dahar tal-individwu.
//= $special ?>