Internazzjonali

Bosta nies fir-Renju Unit jistaqsu liema taxxi mistennija jiddaħħlu fil-budget li ġej

Il-Gvern Laburista l-ġdid tar-Renju Unit mistenni jħejji set ta’ proposti sabiex iħabbar żidiet tat-taxxa fil-budget li ġej. Dan qed issir bl-għan li tiġi indirizzata s-sitwazzjoni finanzjarja tal-pajjiż.

F’konferenza stampa indirizzata mill-Kanċillier tal-Finanzi, Rachel Reeves, saħqet li dan il-budget ħa jkollu ħafna aħbarijiet ħżiena.

Barra minn hekk, Reeves kompliet tgħid li dawn il-miżuri ser jinkludu tnaqqas fl-infiq u żidiet fit-taxxi. Hija rrikonoxxiet li żidiet fit-taxxi se jkunu meħtieġa, minkejja l-wegħda tal-Partit Laburista Ingliż matul il-kampanja elettorali biex ma jżidx it-taxxa, speċjalment it-taxxa relatati mad-dħul, l-assigurazzjoni nazzjonali, jew il-VAT.

Intant, il-Prim Ministru Ingliż, Sir Keir Starmer sostna wkoll li f’dan il-budget, il-pubbliku se jkollu jaċċetta l-effetti negattivi mifruxa fuq żmien temporanju sabiex jasal żmien ta’ tgawdija bħala parti mill-isforzi tal-gvern biex jistabbilizza l-finanzi tal-pajjiż, u enfasizza li dan il-budget se jkun bżonjuż biex jirrimedja l-problemi ekonomiċi miġjuba mill-partit tat-Tories.

Għaldaqstant, hemm diversi spekulazzjoni dwar liema tipi ta’ taxxi mistennija tiżdied u fosthom jinkludu t-Taxxa tas-Suċċesjoni, Capital Gains Tax, Business Rates, Council Tax u Stamp Duty.

Dawn il-bidliet fit-taxxa kollha huma mistennija li jiffurmaw parti mill-budget li se jippreżenta l-Gvern Ingliż sabiex jindirizza d-diffikultajiet ekonomiċi kurrenti.

Madankollu, diversi esperti u ekonomiċi qed jgħidu li dawn il-miżuri jistgħu jkunu neċessarji biex issir ir-riforma meħtieġa, però jaf tħalli pressjoni fuq il-poplu Ingliż.