Lokali

Fotografu Malti jmur qrib il-fruntiera Russa biex jiddokumenta l-gwerra fl-Ukrajna

Il-fotografu Malti, Renè Rossignaud jinsab f’Donetsk, fl-eqqel tal-gwerra bejn ir-Russja u l-Ukrajna sabiex jiddokumenta dak kollu li qed iseħħ.

F’filmati li qed itella’ fuq il-midja soċjali, Rossignaud spjega kif għal dawn l-aħħar jiem, huwa beda vjaġġ sabiex jasal l-iktar qrib possibbli mal-fruntiera Russa, tant li jinsab madwar 20 kilometru ‘l bogħod mill-fruntiera Russa. Huwa qed iġorr miegħu l-inqas affarijiet possibbli sabiex tkun eħfef biex jivvjaġġa u jfittex kenn f’każ ta’ attakk.

“Dan il-lejl kien hawn ħafna bumbardamenti. Fil-fatt għamilna l-lejl tilgħajn u niżlin fix-xelters. Għas-sigurtà tiegħek trid tinżel bilfors.”

Fil-belt fejn jinsab, Donetsk, kienet ittieħdet taħt idejn ir-Russi mill-Ukreni fl-2014, fejn bħalissa hemm jgħixu madwar 4 miljun ruħ.

Rossignaud jinsab ma’ tim Ukren fejn qed jassisti l-ħidma ta’ tim mediku sabiex isalvaw suldati feruti u jeħduhom fi sptar sabiex jingħataw il-kura meħtieġa. Fost dawn, huwa spjega kif saħansitra salvaw 13-il suldat, b’ħafna jinsabu f’kundizzjoni serja hekk kif uħud tilfu jdejhom jew saqajhom jew qed isofru minn ġrieħi kawża tal-bombi.

“Xogħolhom li kull lejl jiġbru s-suldati midruba, jistabbilizzawhom, il-pazjent li laqat tir ġo rasu u li bħalissa qiegħed jgħix bis-saħħa tal-magni. Minn hawnhekk hawn kważi sagħtejn vjaġġ għall-eqreb sptar f’din iz-zona.”

Huwa spjega kif il-ħidma tat-tobba ssir bil-lejl sabiex jevitaw li jidhru minn drones Russi li qed iduru lejl u nhar fuq zoni Ukreni.

“Dawn il-medical evacuation jistgħu jsiru biss bil-lejl jew meta jkun qed jidlam għaliex filgħodu huwa perikoluż wisq li jsiru minħabba li hawn ħafna drones li jaraw il-movimenti tas-suldati u tal-ambulanzi u allura jisparaw fuqhom.”

Fil-gwerra bejn ir-Russja u l-Ukrajna mietu l-mijiet tal-eluf ta’ suldati u ċivili sa mill-bidu tal-bumbardamenti tal-24 ta’ Frar 2022.