Internazzjonali

Franza: Rabja għal Macron li qed jiċħad għal Prim Ministru mill-Alleanza tax-xellug

Il-President Franċiż Emmanuel Macron mhux lest li jaċċetta li Franza jkollha Gvern immexxi mill-Alleanza tax-xellug bl-isem Front Popolari Ġdid. Dan minkejja li l-Alleanza inkwistjoni rebħet l-aktar siġġijiet fl-elezzjoni ġenerali tax-xahar li għadda –  bir-rappreżentanti tal-Front ifissru l-aġir ta’ Macron bħala ‘kolp ta’ stat antidemokratiku u  inaċċettabbli’.

Sadanittant, il-President Macron qal li Franza għandha bżonn l-istabbiltà istituzzjonali u li l-elementi tax-xellug ma jistgħux jirbħu vot ta’ fiduċja fl-Assemblea ta’ Pariġi,

Min-naħa tiegħu, il-Front tax-xellug qed isejjaħ għal protesti fit-toroq u biex Macron ikun suġġett għal proċess ta’ impeachment ‘talli qed jiċħad lill-poplu mill-għażla demokratika’.

Il-Front qed jinsisti b’Lucie Castets bħala l-kandidat tiegħu għar-rwol ta’ Prim Ministru. Castets hi ekonomista maċ-ċivili li l-elettorat ftit jaf dwarha – u l-fatt li hi ma kkuntestatx l-elezzjoni jfisser li ftit hemm ċans li l-Presidenza għandha taċċettaha bħala Prim Ministru ġdid ta’ Franza.

Il-President Macron, li l-koalizzjoni liberali tiegħu ‘Ensemble’ spiċċat it-tieni l-akbar forza politika fl-elezzjonijiet ta’ Lulju, issa, qed jibda rawnd ġdid ta’ konsultazzjonijiet mal-Kapijiet tal-partiti Franċiżi. Dan wara li hu ħeġġeġ lill-partiti tax-xellug biex huma jikkooperaw mal-entitajiet politiċi oħrajn fil-pajjiż.

L-ebda grupp politiku partikulari ma rnexxielu jirbaħ maġġoranza assoluta fl-aħħar elezzjoni ġenerali – bil-Front Popolari Ġdid jikseb aktar minn 190 siġġu. L-Alleanza Ensemble, intant, għandha 160 deputat u bil-Partit Rally Nazzjonali tal-estremisti tal-lemin itella’ 140 rappreżentant fl-Assemblea.

Franza ilha titmexxa minn amministrazzjoni proviżorja sa minn wara l-elezzjoni, b’Macron jinsab determinat biex ikompli bit-taħditiet sakemm il-pajjiż ikollu Gvern ‘li jixraqlu tassew’. Hu qal ukoll li ‘s-sens ta’ responsabbiltà biex jagħmel l-aħjar għażliet għal pajjiżu għadu sod daqs qatt qabel.’

Iżda f’din is-sitwazzjoni, il-Partit Soċjalista, il-Partit tal-Ħodor u l-Komunisti Franċiżi baqgħu ma proponewx miżuri għall-kooperazzjoni mal-partiti politiċi l-oħrajn fi Franza.

Dan waqt li Fabien Roussel, bħala l-Kap Komunista, tenna li Macron qed jixpruna kriżi mill-aktar serja fil-pajjiż – u  b’Marine Tondelier, li tmexxi lill-Partit tal-Ħodor, tisħaq li ‘l fuq minn 70 fil-mija tal-poplu Franċiż iridu jwarrbu għall-istil ta’ politika magħruf bħala ‘Macron-iżmu’.