Aktar ma jgħaddi ż-żmien, aktar joħroġ fil-beraħ kemm il-Gvern huwa negliġenti mat-talent u ż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin dan hekk kif naqas milli jaħtaf opportunità biex Malta jkollna sehem fil-European Cybersecurity Challenges li se ssir f’Turin, u li fiha tiġbor l-aktar imħuħ brillanti ta’ żgħażagħ fis-cybersecurity minn madwar l-Ewropa u lil hinn.
Dawk l-istudenti Matlin li rebħu l-isfida nazzjonali tas-cybersecurity organizzata minn MITA aktar kmieni din is-sena, issa qed jiġu miċħuda l-opportunità li jirrappreżentaw lil Malta. Dawn iż-żgħażagħ, li wrew talent u dedikazzjoni straordinarja, bdew jiġu investigati f’April 2023 meta rrappurtaw b’mod responsabbli vulnerabbiltà tas-sigurtà li skoprew fil-pjattaforma diġitali ewlenija tal-istudenti f’Malta.
Minflok, imma, għal din l-inizjattiva tagħhom, sabu ruħhom taħt skrutinju tal-pulizija u kellhom l-apparat tagħhom ikkonfiskat.
Il-mod kif il-gvern mexa f’din is-sitwazzjoni huwa indikattiv ta’ nuqqas ferm aktar wiegħa minn hekk. L-ewwel nett, l-istudenti ġew infurmati tard wisq li ma setgħux jirrappreżentaw lil Malta wara li kienu diġà rebħu l-isfida nazzjonali. It-tieni nett, l-investigazzjoni mtawla ħalliet lil dawn it-talenti żgħażagħ f’limbu, u ħalliethom b’dubji fuq l-entużjażmu tagħhom għas-cybersecurity. It-tielet, in-nuqqas ta’ Politika Nazzjonali tas-Cybersecurity ifisser li m’għandniex qafas biex nappoġġjaw u nrawmu l-innovazzjoni diġitali f’Malta u f’Għawdex.
Bħala riżultat ta’ din l-esperjenza morra, ħafna studenti issa marritilhom il-ħeġġa li jinvolvu ruħhom fl-ispazju diġitali, u dan qed ipoġġi f’riskju l-potenzjal ta’ Malta f’qasam li hu essenzjali għall-futur ekonomiku tagħna. Ma nistgħux inħallu l-biża’ taqta’ l-innovazzjoni.
Il-Partit Nazzjonalista jappella lill-Gvern biex jagħlaq din is-saga malajr kemm jista’ jkun. Huwa imperattiv li Politika Komprensiva tas-Cybersecurity titwassal malajr biex jinħoloq ambjent fejn iż-żgħażagħ tagħna jistgħu jiffjorixxu.
Id-dinja qed tevolvi b’pass mgħaġġel, u ż-żgħażagħ tagħna jridu jiġu inkoraġġiti biex jadattaw għall-futur diġitali. Mhux biss dwar is-cybersecurity; imma dwar l-għoti tal-għodda meħtieġa lill-ġenerazzjoni li jmiss. Dan biex jirnexxu f’xenarju li qed jinbidel b’mod rapidu ta’ kuljum.
Il-futur ta’ Malta jiddependi minn dan. Ejjew ma nitilfux din l-opportunità biex insaħħu liż-żgħażagħ tagħna u nuru l-kapaċitajiet tagħna u t-talenti Malti fuq pjattaforma internazzjonali.
//= $special ?>