Lokali

Imnedija t-tielet edizzjoni ta’ Sport For Parkinson’s bit-tema Ħajja Aħjar

Ġiet imnedija t-tielet edizzjoni ta’ Sport For Parkinson’s bit-tema għal din is-sena tkun Ħajja Aħjar fejn se ssir maratona ġbir ta’ fondi b’risq l-organizzazzjoni volontarja Step Up For Parkinson’s li se tixxandar fuq diversi stazzjonijiet televiżivi nhar is-Sibt 26 ta’ Ottubru 2024.

L-ambaxxatur tal-Parkinson f’pajjiżna, Adrian Casha, f’konferenza tal-aħbarijiet stqarr li huwa dritt fundamentali li persuni bħalu jgħixu ħajja aħjar. Casha radd ħajr lill-klabbs u l-assoċjazzjonijiet sportivi parteċipi f’din l-inizjattiva u fisser kif minkejja l-kundizzjoni tal-Parkinson li ilu jgħix biha sitt snin, huwa jinsab f’kontroll assolut tal-ħajja tiegħu, attiv aktar minn qatt qabel, u dejjem ifakkar lilu nnifsu li: “Jien għandi l-Parkinson, imma l-Parkinson m’għandix lili!”

Preżenti kien hemm fost l-oħrajn ix-Shadow Minister Adrian Delia fejn kellu kliem ta’ tifħir, kemm għall-Kumitat Olimpiku Malti kif ukoll għal SportMalta, li ngħaqdu mal-Organizzazzjoni Volontarja Step Up For Parkinson’s, sabiex jagħtu appoġġ massimu għal titjib fil-ħajja ta’ persuni li jgħixu b’din il-kundizzjoni newroloġika. Huwa appella lill-Gvern sabiex ma jistrieħx biss fuq inizjattivi nobbli tal-volontarjat, imma jara li jgħinhom u jappoġġjahom b’mod sħiħ.

Preżenti wkoll iċ-Chairman ta’ SportMalta, Matthew Pisani, li esprima s-sodisfazzjon ta’ SportMalta li hija parteċipi f’din il-manifestazzjoni sportiva ta’ solidarjetà sabiex jitnaqqsu l-isfidi li qegħdin jiffaċċjaw persuni li jgħixu bil-Parkinson. Huwa żied jgħid li l-inizjattiva Sport For Parkinson’s qiegħda żżid l-għarfien dwar il-ħtieġa tal-eżerċizzju, mhux biss bħala mezz ta’ saħħa fiżika, imma wkoll bħala miljorament tas-saħħa mentali ‘l bogħod mill-iżolament soċjali.

Is-Segretarju Ġenerali tal-Kumitat Olimpiku Malti (KOM), Kevin Azzopardi, tenna li l-KOM jinsab ferm kburi li jifforma parti minn Sport For Parkinson’s għax jara opportunità li jwettaq att ta’ ġustizzja soċjali permezz tal-isport – prinċipju tant essenzjali għal kull min jieħu sehem f’xi dixxiplina sportiva. Huwa awgura li aktar federazzjonijiet nazzjonali u klabbs iwieġbu għal din is-sejħa li permezz taghha jkunu qegħdin jaqdu d-dover tagħhom li jroddu lura lejn is-soċjetà.