Lokali

“In-nuqqas ta’ provvista tal-elettriku twassal għal sitwazzjoni katastrofika”

Jekk pajjiżna ma jibdiex ilaħħaq mal-provvista tal-elettriku hemm ċans kbir li naraw sitwazzjoni katastrofika – kif fil-fatt qed iseħħ diġà.

Kienet din l-evalwazzjoni li għamel l-editur tal-gazzetta The Malta Independent fil-ħarġa tat-Tlieta fejn tkellem fil-problema serja li qed nesperjenzaw sajf wara l-ieħor.

L-editorjal iqis bħala idea tajba li pajjiżna jkollu backup f’każ li s-sors ewlieni tal-enerġija jfalli, iżda jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li power station temporanja tiswa l-eluf ta’ ewro. Xi ħaġa li ġiet meqjusa bħala nuqqas ta’ viżjoni u responsabbiltà bi flus il-poplu Malti u Għawdxi.

Fil-fatt, l-editur jgħid li kieku kien hemm pjan fit-tul, kieku l-flus intefqu fuq xi ħaġa permanenti u mhux temporanja. Sitwazzjoni ta’ nuqqas li mhux biss qed narawha f’dan is-settur ta’ Miriam Dalli, iżda tista’ tgħid f’kull settur ieħor madwar Malta u Għawdex kollha.

L-editur ifakkar kif il-Gvern Laburista kabbar l-ekonomija ta’ pajjiżna fuq il-kwantità tal-ħaddiema bla ma għamel pjan adegwat għall-infrastruttura ta’ pajjiżna, b’riżultat li qed naraw traffiku kbir, id-distribuzzjoni tal-enerġija li mhix tlaħħaq fl-eqqel tas-sajf, u settur tal-kostruzzjoni li m’għandux liġijiet ċari, fost problemi oħra f’diversi setturi.

F’kelma oħra, għandna Gvern li prova jkabbar l-ekonomija b-addoċċ, bla ebda ppjanar ċar għall-futur.