Internazzjonali

Ir-Russja: ‘Il fuq minn 100 zona residenzjali taħt il-kontroll tal-militar ta’ Zelensky

L-offensiva mill-qawwiet tal-Ukrajna fl-artijiet tar-Russja kellha tkun ta’ suċċess ħafna akbar milli qatt bassru l-President Volodymyr Zelensky u l-Gvern tiegħu. Dan meta l-inkursjoni tal-militar Ukren fir-reġjun ta’ Kursk ilu mill-aħħar ta’ Lulju u fejn is-suldati ta’ Zelensky avvanzaw ‘il ġewwa sew fit-territorji man-naħa l-oħra tal-fruntiera… avvanzi li fihom l-Ukreni għelbu kull reżistenza huma u jaħtfu l-ammonti kbar ta’ priġuniera u bl-eluf taċ-ċivili Russi jispiċċaw evakwati minn Kursk fost il-kaos u konfużjoni.

L-inkursjonijiet fir-Russja, intant, għadhom għaddejjin minkejja l-istqarrijiet tal-Kremlin li l-kriżi interna għar-Russi kellha tinġieb taħt kontroll. Fl-istess ħin, l-istrateġisti f’Moska ma jidhrux li kapaċi jwieġbu għall-azzjoni determinata tal-Armata Ukrena f’pajjiżhom.

L-iżviluppi qed ikomplu jħammru wiċċ il-Kremlin, speċjalment wara l-ftaħir inizjali li l-kunflitt li rriżulta mill-invażjoni tal-Ukrajna mis-suldati ta’ Vladimir Putin ma kellu qatt iħalli r-riperkussjonijiet diretti għall-poplu Russu.

Kollox, issa, qed jidher għall-kuntrarju, bl-Ukrajna, illum, qed tikkontrolla ‘l fuq minn 100 zona residenzjali fir-Russja – minbarra xi 1,300 kilometri kwadri ta’ territorju fl-artijiet tal-għadu.

Min-naħa tiegħu, il-Kap Kmandant tal-qawwiet Ukreni, Oleksandr Syrskyi, qal li mill-bidu tal-offensiva ‘l hawn, it-truppi tiegħu rnexxielhom jaħtfu lil tal-anqas 600 suldat Russu bħala priġunieri tal-gwerra. Dan waqt li s-suldati Ukreni, bħalissa, anki qed jattakkaw lil tliet villaġġi fir-reġjun Russu ta’ Belgorod li jmiss mal-artijiet tal-Ukrajna.

Il-President Zelensky qed jinsisti li jekk pajjiżu juża l-armamenti moderni provduti mill-Punent biex jolqot lill-ibliet ċentrali tar-Russja, dan għandu jtellef lill-qawwiet tal-Kremlin milli jkompu bl-attakki fuq l-Ukrajna. Dan meta l-Ukrajna diġà użat numru ta’ missili ballistiċi provduti mill-Istati Uniti hi u twieġeb għall-burraxki kontinwi tal-militar Russu.