Lokali

Jinħatar bord għal Inkjesta Indipendenti b’rabta mal-mewt ta’ Ghirxi wara li l-Gvern ċeda għall-pressjoni

Fi stqarrija maħruġa mill-Ministeru għall-Politika Soċjali ġie kkonfermat li se jkun qed jinħatar bord immexxi mill-Imħallef Emeritu Lawrence Quintano sabiex issir Inkjesta Indipendenti b’rabta mal-każ ta’ Nicolette Ghirxi.

Dan il-Bord se jkun maħtur sabiex jiddetermina l-fatti u ċ-ċirkostanzi kollha dwar x’għajnuna professjonali ngħatat lil Ghirxi kull meta talbet, jew ġiet riferuta għal tali għajnuna lis-servizzi soċjali ta’ vjolenza domestika, inkluż dwar il-proċedura tar-risk assessment.

Dan il-Bord għandu wkoll jirrakkomanda jekk hemmx il-ħtieġa li jittieħdu miżuri ulterjuri fl-operat tas-servizzi soċjali li jingħataw lill-vittmi ta’ vjolenza domestika.

Din l-inkjesta se ssir wara li l-qraba u l-avukat ta’ Ghirxi, flimkien mal-Partit Nazzjonalista, ilhom għal dawn l-aħħar jiem jappellaw lill-Gvern sabiex tinfetah Inkjesta Indipendenti sabiex isir magħruf x’nuqqasijiet hemm.

Il-bord qed jingħata erba’ xhur sabiex jissottometti r-rapport tiegħu, filwaqt li l-ministeru huwa kommess li jippubblika r-rapport ta’ inkjesta.