Tilef ħajtu sewwieq li għall-ħabta ta’ 10:30 am kien involut f’ħabta kerha ma’ trakk fil-bypass ta’ Ħaż-Żebbuġ.
Membri tal-Protezzjoni Ċivili wettqu ħidma sabiex joħorġu lis-sewwieq mill-kabina ta’ vann taż-żibel wara li nqabad fiha kawża ta’ din il-ħabta. Għal xi raġuni kienet seħħet ħabta head-on bejn iż-żewġ vetturi, b’numru ta’ boroż taż-żibel li spiċċaw mifruxin tul it-triq kollha kaġun ta’ dan l-inċident.
Fil-post issejħu l-Pulizija u tim mediku sabiex flimkien mal-membri tal-Protezzjoni Ċivili jagħtu l-assistenzja tagħhom lill-vittmi nvoluti. Iktar tard, is-sewwieq tal-vann ittieħed l-Isptar Mater Dei għall-kura.
L-isforzi tat-tim mediku kien kollu għalxejn hekk kif sfortunatament, ir-raġel li l-identità tiegħu għadha mhix magħrufa, tilef ħajtu ftit tal-ħin wara fl-Isptar.
It-trakk il-kbir kien misjuq minn raġel ta’ 61 sena residenti Ħal Tarxien fejn fortunatament ma sofra mill-ebda ġrieħi.
L-Ispettur Wayne Bonello qed imexxi l-istħarriġ tal-Pulizija, waqt li Mario Buttigieg tqabbad bħala espert tat-traffiku, bħala parti mill-inkejsta li qed titmexxa mill-Maġistrat Joe Mifsud. L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.
Ritratti: Matthew Tabone
//= $special ?>