Internazzjonali

Mariah Carey qalbha maqsuma wara li titlef lil ommha u lil oħtha fl-istess ġurnata

Matul il-jum tat-Tnejn, tħabbret il-mewt ta’ omm il-kantanta Amerikana Mariah Carey, Patricia ta’ 87 sena u ta’ oħtha Alison li kellha 63 sena. Sfortunament, Patricia u Alison mietu fl-istess ġurnata.

Carey qalet fi stqarrija li tinsab qalbha maqsuma li tilfet lil ommha u lil oħtha.

Il-kantanta qalet ukoll li tħossha xxurtjata li setgħet tqatta’ l-aħħar ftit żmien ma’ ommha fil-ġimgħa ta’ qabel ma mietet. Dan filwaqt li qed titlob għall-privatezza f’dan il-mument ta’ niket.

Il-kawżi tal-mewt ta’ Patricia u Alison għadhom mhux magħrufa.

Ir-relazzjoni ta’ Mariah kemm ma’ ommha u anke ma’ oħtha kienu magħrufin li kienu kumplessi.

Fil-memoir tagħha tas-sena 2020, The Meaning of Mariah Carey hija ddeskriviet kif din ir-relazzjoni kienet mimlija emozzjonijiet differenti u konfużjonijiet, speċjalment fejn tidħol ommha, li kienet kantanta tal-opra.

Minkejja dan, Mariah esprimiet li dejjem kellha għal qalbha kemm lill ommha kif ukoll lil oħtha, minkejja d-diffikultajiet fir-relazzjonijiet tagħhom.

Mariah Carey tibqa’ magħrufa bħala kantanta rinomata mad-dinja kollha wara li kisbet suċċess u fama internazzjonali. Carey rebħet diversi unuri, fosthom Grammy Awards.