Futbol Sport

Melita jżommu l-mument pożittiv

(Ritratt: Catriel Farrugia)

Ikompli l-mument tajjeb tat-tim promoss ta’ Melita wara li huma għelbu lil Marsaxlokk bl-iskor ta’ 2-1.

Kienet wirja qalbenija minn Melita fejn dawn urew dixxiplina tattika hekk kif it-tim immexxi minn Clive Mizzi kompla jimpressjona. Fil-fatt, dan kien it-tieni riżultat pożittiv hekk kif fl-ewwel ġurnata huma kienu kisbu draw prestiġjuż kontra Floriana. Mill-banda l-oħra diżappuntanti l-bidu għat-tim ta’ Marsaxlokk fejn għalihom din kienet it-tieni telfa konsekuttiva wara li fl-ewwel ħarġa huma kienu tilfu kontra Gżira United. Wara li l-istaġun li għadda t-tim immexxi minn Winston Muscat kien spiċċa kiseb kwalifikazzjoni fl-Ewropa fejn anki kellu wirjiet tajbin f’din il-kompetizzjoni, jidher li bħalissa huwa mument diffiċli fejn qed tidher evidenti n-nuqqas ta’ saħħa fl-attakk.

Floriana lagħbu għal aktar minn erbgħin minuta bi player inqas iżda xorta waħda kisbu punt importanti mill-konfront dirett kontra Ħamrun Spartans fi draw ta’ 1-1. Partita bejn żewġ timijiet li kienu protagonisti ewlenin l-istaġun li għadda u li l-għan tagħhom għal darb’oħra huwa r-rebħ tal-kampjonat. L-Ispartans kienu ġejjin minn rebħa fuq Zabbar St Patrick fl-ewwel konfront filwaqt li l-Greens sfaw miżmuma fi draw ta’ 3-3 minn Melita. Draw li fiċ-ċirkostanzi l-aktar li kkuntenta kien lil Floriana li ta’ min jgħid li ilhom ma’ jegħlbu lil Ħamrun seba’ snin. Il-bidu kien wieħed eċċellenti minn Floriana li marru minn fuq wara biss tliet minuti u bdew jikkontrollaw il-partita. B’Ħamrun jidħlu fil-logħba f’nofs l-ewwel taqsima meta kisbu l-gowl tad-draw. U minkejja li kellhom il-lussu li jilagħbu bi player aktar għal kważi t-tieni taqsima kollha, huma naqsu li jkunu diretti u ftit li xejn impenjaw lid-difiża avversarja.

Fl-azzjoni l-plejer ta’ Ħamrun Spartans Joseph Mbong (Ritratt: Joseph Galea)

B’gowl f’kull taqsima Sliema Wanderers żammew ir-rekord ta’ mija fil-mija wara li huma għelbu lil Balzan.  Kienet rebħa meritata għall-Blues fejn kienu l-aħjar tul id-disgħin minuta biex irrepetew l-iskor tar-rebħa fl-ewwel ġurnata kontra Mosta. Sliema kienu sfurzati li jagħmlu bidla waħda hekk kif Serginho beda flok is-sospiż Acheamapong. Għal Balzan din kienet l-ewwel telfa tal-istaġun wara li fl-ewwel partita tagħhom, inċidentalment dik li fetħet it-360 Sports Malta Premier, huma kienu spiċċaw fi draw spettakolari ta’ 3-3  kontra l-ġirien Birkirkara. Minn dik il-logħba huma għamlu żewġ bidliet fejn Marcus Grima u Gary Camilleri bdew flok Ahadi u Caruana.

Hibernians kisbu t-tieni rebħa konsekuttiva hekk kif huma għelbu lil Gżira United bl-iskor ta’ 2-0. Il-logħba r-riżultat bħala waħda kumbattuta fl-ewwel taqsima. Il-logħba rriżultat bħala waħda kumbattuta fl-ewwel taqsima iżda fit-tieni ħamsa u erbgħin minuta kienu l-Pawlisti li ħolqu l-aħjar ċansijiet ta’ skor fejn fil-fatt skurjaw darbtejn mingħajr risposta.  Fil-fatt, il-Maroons setgħu fetħu l-iskor huma fejn fallew diversi okkażjonijiet ta’ skor. Dan huwa dipartiment li jridu jaraw kif jiffunzjona aħjar forsi anki b’xi żieda qabel jagħlaq is-suq tat-trasferimenti fi tmiem din il-ġimgħa. Jurgen Degabriele ma kienx disponibbli fejn floku beda Kleiton. Mill-banda l-oħra, għal Gżira United bdew Minala li falla penalty u seta’ kiseb id-draw, u Tulimieri flok Riascos u Borg.

Hibernians iżommu wkoll il-mument pożittiv tagħhom bit-tieni rebħa konsekuttiva (Ritratt: Catriel Farrugia)

Wara d-draw ta’ 3-3 kontra Balzan, l-Istripes minn Birkirkara kisbu l-ewwel rebħa u tliet punti tagħhom wara li huma għelbu lil Żabbar St. Patrick b’gowl uniku skurjat minn penalty lejn tmiem l-ewwel taqsima. Verament li huma ħadu t-tliet punti iżda l-wirja tagħhom tħalli ħafna mistoqsijiet. Fil-fatt fl-ewwel taqsima Żabbar St. Patrick kienu l-aħjar fejn meta tikkunsidra kollox huma kien ħaqqhom xi ħaġa aktar minn din il-partita. Wara t-telfa li sofrew kontra Ħamrun fejn minkejja dan taw sfida denja, kontra B’Kara komplew juru li ser ikunu ta’ sfida għal kull avversarju. Kemm Janiero kif ukoll De Angelis għamlu żewġ bidliet kull wieħed fil-formazzjoni. Ta’ min jinnota wkoll li Maxuell Samurai żied gowl ieħor mat-tlieta li skorja fl-ewwel ġurnata.

Birkirkara kisbu l-ewwel tliet punti tal-istaġun kontra Żabbar St. Patrick (Ritratt: Catriel Farrugia)

U Naxxar Lions kisbu l-ewwel tliet punti tagħhom b’rebħa fuq il-ġirien Mosta bl-iskor ta’ 2-1. Fil-fatt it-tim immexxi minn George Vella kien determinat li jikseb xi ħaġa minn din il-partita wara li fl-ewwel dehra tagħhom huma kienu sfaw fuq in-naħa telliefa għas-spejjeż ta’ Hibernians. Żgur li kien  ħaqqhom il-punti massimi fejn apparti li ħolqu l-aħjar ċansijiet ta’ skor, kellhom ukoll is-superjorità territorjali. Laqtu wkoll il-lasta għal darba tnejn. Mhux l-istess jista’ jingħad għal Mosta li kienu qegħdin isofru t-tieni telfa tal-istaġun. Verament li għadu kmieni wisq biex wieħed ikun jista’ jibda janalizza fid-dettal, imma ċertu difetti jkunu diġà qegħdin fid-deher. Mosta jridu jindirizzawhom kemm jista’ jkun malajr biex jevitaw li jerġgħu jibqgħu jissieltu kontra r-relegation sal-aħħar ġurnata.

Naxxar Lions jiċċelebraw wieħed mill-gowls fir-rebħa tad-derby kontra Mosta (Ritratt: Catriel Farrugia)