Noel D’Anastas
Għal dawn l-aħħar snin, l-aħħar jiem ta’ Awwissu jkunu stennija għall-kunċert operistiku li jittella’ fi Pjazza San Ġorġ, fil-Belt Valletta. L-avveniment annwali ta’ Opera in the Capital se jsir fit-30 ta’ Awwissu.
Organizzat mill-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta, il-kunċert popolari Opera in the Capital se jattira s-solisti ta’ fama, is-sopran Nadia Vella u t-tenuri Alan Sciberras u Cliff Zammit Stevens li ser ikunu akkumpanjati mill-Orkestra Filarmonika ta’ Malta taħt id-direzzjoni mużikali tal-Maestro Michael Laus.
Opera in the Capital mhux se jkun biss kunċert, iżda esperjenza mfassla biex tilħaq kemm lid-dilettanti tal-opra kif ukoll oħrajn li mhux midħla fil-qasam. Dan il-kunċert se joffri lejla mill-isbaħ ta’ siltiet operistiċi magħrufa fl-isfond tal-arkitettura storika tal-Belt Valletta.
Il-programm se jinkludi arji magħrufa ta’ Donizetti, Bizet, Puccini u Gounod, flimkien ma’ siltiet klassiċi meħudha minn The Merry Widow, u The Phantom of the Opera, kif ukoll il-kanzunetti popolari Maltin ‘Fil-Qrib’ ta’ Philip Vella, u ‘Xemx’ ta’ The Tramps.
Lis-sopran Nadia Vella u t-tenuri Alan Sciberras u Cliff Zammit konna rajnihom ukoll flimkien jinterpretaw b’mod brillanti s-silta ‘Hallelujah’ waqt l-edizzjoni ta’ Mużika Mużika 2022.
Opera in the Capital jibda fid-9p.m. Il-biljetti jistgħu jinkisbu minn showshappening.
Għal aktar informazzjoni żur is-sit vca.gov.mt u l-paġna ta’ Facebook tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta.
//= $special ?>