Lokali

Tmut wara li ttajret minn vann f’Ħal Qormi

Mara tilfet ħajjitha wara li ttajret minn vann fi Triq l-Isqof Scicluna, f’Ħal Qormi.

Mill-ewwel stħarriġ irriżulta li l-mara ta’ 77 sena minn Ħaż-Żebbuġ għal xi raġuni ttajret minn vann misjuqa minn raġel ta’ 34 sena mill-Birgu.

L-inċident seħħ għal ħabta tas-1:45pm u minnufih issejħu l-Pulizija u tim mediku. Il-mara ġiet iċċertifikata mejta fil-post.

Ix-xufier tal-vann ittieħed l-Isptar Mater Dei permezz t’ambulanza għall-osservazzjoni.

Bil-każ kien infurmat il-Maġistrat Joseph Mifsud li fetaħ inkjesta filwaqt li l-Pulizija għaddejja bl-investigazzjonijiet fuq il-każ.

Din kienet it-tieni mewta fi ftit sigħat matul il-jum fit-toroq Maltin hekk kif aktar kmieni tilef ħajtu raġel f’ħabta bejn vann u trakk f’Ħaż-Żebbuġ.