Internazzjonali

Xatt tal-Punent: Tfal fost il-vittmi ta’ attakk fuq ‘kamp tat-terroristi’

Kompliet l-ispinta ta’ vjolenza li qabdet fl-aħħar  ġimgħat fix-Xatt tal-Punent u meta l-qawwiet tal-ajru Iżraeljani attakkaw kamp għar-refuġjati li jinsab f’zona urbana – bir-riżultat li mietu ħamsa, inklużi żewġt itfal.

L-Armata Iżraeljana kkonfermat li l-ajruplani tagħha mexxew attakk ‘ta’ preċiżjoni’ fuq il-kamp ta’ Nur Shams, viċin il-belt ta’ Tulkarm, u fejn huma kienu qed jimmiraw għal ċentru tal-kmand ta’ grupp terroristiku fl-inħawi.

Ma ngħatawx dettalji dwar il-militanti Palestinjani li sfaw mira għal dan l-attakk u meta dawn l-inċidenti fix-Xatt tal-Punent ilhom jiżdiedu minn wara l-attakk tas-7 ta’ Ottubru fuq Iżrael mill-Grupp Ħamas – il-jum meta t-terroristi Palestinjani qasmu minn Gaza għall-artijiet tal-Iżraeljani fejn immassakraw il-mijiet tal-irġiel, nisa u tfal.

Fi żvilupp separat, il-Ministeru tas-Saħħa Palestinjan fix-Xatt tal-Punent qal li persuna tilfet ħajjitha, bi tlieta oħra jisfaw midruba, wara li huma sfaw attakkati mir-residenti Lhud viċin ta’ Bethlehem, Dan waqt li l-uffiċjali tal-Armata Iżraeljana kienu qed jinvestigaw ir-rapport partikulari.

In-Nazzjonijiet Uniti, issa, qalet li tal-anqas 130 Palestinjani – fosthom 35 tifel u tifla – spiċċaw jitilfu ħajjithom kaġun tal-attakki mill-ajru tal-Iżraeljani fuq ix-Xatt tal-Punent u li ilhom għaddejjin mis-7 ta’ Ottubru.