Priġunier ta’ 52 sena li qed jiskonta piena ta’ għomor il-ħabs fuq qtil, ġie ikkundannat 30 xahar ħabs wara li ħebb għal priġunier ieħor talli mar ipejjep ħdejh. Ronnie Azzopardi, magħruf bħala “is-Sufu”, ammetta li fil-11 ta’ Frar tas-sena ll-oħra ħebb għall-vittma wara li dan mar ipejjep ħdejh fil-bitħa tal-ħabs.
Azzopardi ammetta quddiem il-Maġistrat Marse-Ann Farrugia li qalet fis-sentenza tagħha li huwa seta’ faċilment resaq bil-kwiet lejn parti oħra tal-bitħa minflok qabad u ħebb għalih. Meta ġiet biex tagħti l-piena, il-Maġistrat Farrugia qieset li llum l-akkużat u l-vittma huma ħbieb u kkunsidrat ukoll il-kondotta tiegħu li tinkludi piena ta’ għomor il-ħabs fuq qtil u piena oħra ta’ 20 sena fuq attentat ta’ qtil.
Azzopardi qed jiskonta piena ta’ għomor il-ħabs wara li nstab ħati li fl-2005 poġġa bomba fi triq, intiża għal persuna oħra, imma li qatlet lil ċertu Angela Bondin. Il-każ imur lura għall-Ġunju tal-2005 meta Ronnie Azzopardi kellu xi diżgwid fuq kwistjonijiet ta’ wirt ma’ Mary Rose Cassar, is-sieħba ta’ ħuh, li kien inqatel f’Bormla fl-2001.
Azzopardi qatt ma aċċetta li ħuh Jason, magħruf bħala s-Sufu, ħalla kollox fil-wirt lis-sieħba tiegħu u wliedu u għalhekk daħħalha f’rasu li għandhom ipattuha qares. Azzopardi kien ippjana kollox u segwa lil Mary Rose, li ta’ kull nhar ta’ Sibt, kienet tmur tara lil ommha fiż-Żejtun.
Huwa qiegħed il-bomba f’basket tal-plastik maġenb il-karozza tagħha. Dak il-ħin, lemħuh Joseph u Therese Grima li kienu qed jarmaw il-bejt għall-festa, bil-mara tinżel biex tneħħi l-borża li ħasbet li kienet taż-żibel maġenb sit ta’ kostruzzjoni ta’ binha, ftit passi ‘l bogħod.
Fix-xhieda tagħha, Therese Grima qalet li l-borża kienet tqila u fiha rat bħal batterija mqabbda bil-wires. Biex ġarritha sas-sit ta’ kostruzzjoni, sabet l-għajnuna ta’ Angela Bondin li dak il-ħin inżertat għaddejja mit-triq. Wara li poġġew il-borża fil-ġenb, in-nisa waqfu jitkellmu meta l-bomba splodiet f’daqqa u ħalliethom midruba gravi.
Kawża tal-isplużjoni, Angela Bondin tilfet ħajjitha bil-ġrieħi li sostniet ftit tal-ġimgħat wara. Therese Grima qelbet għall-aħjar iżda l-ġrieħi li ġarrbet ikkawżawlha diżabbiltà permanenti. Fil-ġuri, Azzopardi nstab ħati b’attentat ta’ qtil li wassal għall-mewt ta’ Angela Bondin li mietet intortament u għalhekk ġie mogħti għomor il-ħabs.
Huwa qed jiskonta wkoll piena ta’ 20 sena ħabs wara li nstab ħati li fl-2003 ipprova joqtol raġel billi sparalu tiri minn karozza waqt li l-vittma kien qed isuq mutur. Il-vittma ta’ dan l-attentat ta’ qtil kien jiġi qarib ta’ raġel li qed jiskonta piena ta’ ħabs wara li nstab ħati li qatel lil ħu Ronnie Azzopardi.
Il-prosekuzzjoni fil-każ riċenti tmexxiet mill-Ispettur Antonello Magri
//= $special ?>