Christian Borg wieġeb mhux ħati ta’ ħasil ta’ flus u frodi tat-taxxa meta tressaq il-Qorti tard it-Tlieta wara nofsinhar, flimkien mal-ħabiba tiegħu u sitta mill-kumpaniji tiegħu. L-imprenditur tal-kiri tal-karozzi ta’ 31 sena minn San Ġiljan; u Monique Mizzi ta’ 26 sena minn Raħal Ġdid, ġew mixlija flimkien ma’ Princess Construction Limited, Princess Holdings Ltd, Princess Operations Limited, Zing Rental Limited, No Deposit Cars Limited u Lion Funding Limited b’ħasil ta’ flus u konfoffa kriminali.
Borg, li huwa ħabib tal-Prim Ministru Robert Abela, u l-kumpaniji ġew mixlija wkoll li evadew it-taxxa tad-dħul u l-VAT, li għamlu dikjarazzjonijiet foloz għal skopijiet ta’ taxxa, li ffrodaw lill-Kummissarju tat-Taxxa u li għamlu qligħ frawdolenti għad-detriment tal-gvern.
Id-direttur tal-kumpanija Joseph Camenzuli kien ukoll il-Qorti bħala r-rappreżentant legali tal-kumpaniji ta’ Borg. Il-Qorti semgħet li investigazzjonijiet kriminali nbdew minn talba mid-Dipartiment tal-VAT wara li Borg allegatament ippreżenta fatturi għal “mijiet ta’ eluf ta’ ewro” u talab rifużjonijiet tal-VAT fuq ammonti kklassifikati bħala spejjeż.
L-Ispettur Tonjoe Farrugia qal li l-investigazzjoni kkonkludiet li miljuni ġew froditi għad-detriment tad-Dipartiment tal-VAT. Il-prosekuzzjoni talbet ordni ta’ ffriżar fuq l-assi kollha tal-akkużati, minħabba l-akkuża ta’ ħasil ta’ flus.
Fid-dawl tal-emendi riċenti fil-liġi dwar l-ordnijiet tal-iffriżar, l-ammont speċifiku li għandu jiġi ffriżat ikun indikat mill-prosekuzzjoni fi żmien 90 jum. L-avukat tal-AĠ Francesco Refalo rrimarka li kienu mistennija jixhdu numru ta’ persuni pajżana li “bla ma jafu” għenu lil Borg fit-twettiq ta’ dawn ir-reati.
Għalkemm din l-investigazzjoni kienet ilha għaddejja għal diversi snin, mhux ix-xhieda ċivili kollha kienu xehdu quddiem il-maġistrat inkwirenti. Il-każ kien jinvolvi l-ħruġ ta’ rċevuti tal-VAT u VAT mitluba indebitament mill-akkużati.
L-avukat difensur Stephen Tonna Lowell irribatta li Borg u Mizzi kienu ilhom jafu bl-investigazzjoni li kienet għaddejja għal “xhur jekk mhux snin”, u kienu ilhom fuq ‘il-libertà proviżorja tal-pulizija – police bail. Dejjem kienu mxew mal-kundizzjonijiet tal-pleġġ.
Barra minn hekk, Mizzi għandha tifel żgħir u qatt ma kisret difrejha mal-liġi. Wara li semgħet is-sottomissjonijiet, il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Elaine Rizzo, laqgħet it-talba minħabba li l-provi jinsabu preservati permezz tal-inkjesta maġisterjali.
Il-libertà proviżorja ngħatat taħt numru ta’ kundizzjonijiet fosthom depożitu ta’ €35,000 u garanzija personali ta’ €60,000 għal Borg, u depożitu ta’ €15,000 u garanzija personali ta’ €40,000 għal Mizzi. L-avukati tal-AĠ Francesco Refalo, Rebekah Spiteri u Mauro Abela qed imexxu l-prosekuzzjoni flimkien mal-ispetturi Robert Azzopardi u Tonjoe Farrugia.
Borg huwa magħruf sew mal-Pulizija hekk kif lura fl-2022 meta kien wieħed minn erba’ irġiel akkużati bi ħtif ta’ persuna. Il-Qorti kienet semgħet kif hu u sħabu allegatament heddew li jittorturaw lill-vittma tagħhom u li jistupraw lil oħtu.
Borg huwa wkoll figura ċentrali fi ftehimiet ta’ proprjetà suspettużi li jinvolvu lill-Prim Ministru Robert Abela. Kien qed jiġi allegat li minn dan il-ftehim Robert Abela kien daħħal €45,000 iżda l-kronoloġija tal-avvenimenti tqajjem suspetti dwar għaliex daħal f’kuntratt biex jixtri għalqa biss biex jittrasferixxi s-sehem tiegħu f’dak il-kuntratt lil Borg ftit xhur biss wara.
Dak iż-żmien, Abela kien il-konsulent legali tal-Awtorità tal-Ippjanar u daħal fil-ftehim biss wara li nħarġu l-permessi biex tiġi żviluppata l-plott. Ix-xiri ta’ proprjetà ta’ Borg qajjem ukoll suspetti fost l-investigaturi.
Ħafna minn dawn ix-xiri ta’ proprjetà, li jinkludu penthouse lussuż b’rooftop pool u villa enormi, ma kinux iffinanzjati minn self bankarju jew saħansitra ġbid mill-kontijiet bankarji lokali tiegħu. Il-midja kienet irrapportat ukoll kif xi wħud mix-xiri ta’ proprjetà kienu parzjalment iffinanzjati minn tpartit ta’ karozzi lussużi.
//= $special ?>