Il-prosekuturi Amerikani, fl-aħħar sigħat, ħarġu akkużi riveduti fil-konfront tal-Eks President tal-Istati Uniti, Donald Trump. L-akkużi li Trump qed jiffaċċja u li f’Novembru se jikkuntesta mill-ġdid għall-White House, jirrigwardaw l-allegat fatt li kien ipprova jindaħal fl-elezzjoni Presidenzjali tal-2020 wara li hu ħareġ tellief fil-konfront tal-Mexxej Amerikan attwali, Joe Biden.
Il-kontenut rivedut tal-akkużi hu intiż biex iwaqqa’ d-digriet (ruling) tal-Qorti Suprema li jesiġi biex il-Presidenti tal-Istati Uniti jingħataw livell ta’ immunità sinifikanti mill-prosekuzzjoni kriminali relatata mal-azzjonijiet uffiċjali. Dan ir-ruling, fil-fatt, kien xeħet element ta’ dubju fuq il-każ.
Min-naħa tiegħu, Trump qed jiċħad għall-akkużi li wettaq il-pressjoni fuq l-uffiċjali biex huma jaqilbu r-riżultat elettorali tal-2020 favur tiegħu. Hu, fl-istess ħin, ċaħad li pprova jirrikatta lill-uffiċjali inkella li pprova jiċċirkola l-gideb dwar allegata frodi elettorali.
Akkuża oħra, jerġa’ aktar serja, fil-konfront ta’ Trump hu li hu pprova ‘jiggwadanja politikament’ mir-rewwixta storika tas-6 ta’ Jannar tal-2021 f’Capitol Hill, f’Washington. Dakinhar il-partitarji tal-Partit Repubblikan kienu wettqu straġi u kaos sħiħ biex iwaqqfu l-konferma uffiċjali tar-rebħa elettorali għal Joe Biden u bir-riżultat li mietu sitta.
Madankollu, mhux mistenni li l-każ – flimkien ma’ każi kriminali oħra li qed jiffaċċja Trump – għandhom jibdew jinstemgħu fil-Qorti qabel l-elezzjoni tal-5 ta’ Novembru għall-Presidenza tal-Istati Uniti.
//= $special ?>