Kummerċ Lokali

FinanceMalta bl-akbar avveniment tas-Servizzi Finanzjarji f’Malta

B’aktar minn 600 delegat, 40 kelliem lokali u internazzjonali prominenti, u preżenza barranija aktar b’saħħitha, il-Konferenza Annwali ta’ FinanceMalta fid-29 ta’ Novembru mistennija tibqa’ l-akbar avveniment tas-servizzi finanzjarji f’pajjiżna.

“Hija l-unika konferenza li tkopri s-setturi industrijali kollha, fosthom il-fintech, is-settur bankarju, l-assigurazzjoni, l-avjazzjoni u l-investimenti, fost l-oħrajn. Aktar minn hekk, l-entitajiet regolatorji kollha ta’ Malta se jkunu preżenti, u opportunità eċċellenti ta’ netwerking taħt saqaf wieħed,” qalet Graziella Grech, Chief Operations Officer ta’ FinanceMalta.

Is-17-il Konferenza Annwali ta’ FinanceMalta li se ssir fil-Lukanda Hilton f’Portomaso, se tittratta t-tisħiħ tas-settur finanzjarju f’pajjiżna u tinkludi programm ta’ diskorsi u diskussjonijiet varjati fuq l-aħħar xejriet ekonomiċi, żviluppi fit-teknoloġija finanzjarja u s-sostenibbiltà finanzjarja.

“Malta, bħall-bqija tad-dinja, għaddejja minn bidliet ekonomiċi u ġeopolitiċi kbar u bla preċedent. Dan iħalli impatt dirett fuq is-settur tagħna, u b’konsiderazzjoni tad-daqs ta’ pajjiżna, irridu nkunu lesti bl-għodda meħtieġa biex nadattaw għall-isfidi li ġejjin. Dan jirrifletti mhux biss it-tema magħżula għall-konferenza, iżda wkoll l-impenn ta’ FinanceMalta għall-pajjiżna bħala ġurisdizzjoni finanzjarja, żiedet tgħid Grech.

Uħud mill-kelliema tal-avveniment ta’ din is-sena jinkludu Carmine di Noia, Direttur tal-Affarijiet Finanzjarji u l-Intrapriża mal-OECD; Kotaro Ishi, Mission Chief mal-Fond Montetarju Internazzjonali; Panagiotis Polydoros, Country Manager ta’ Mastercard għal Greċja, Ċipru u Malta; Fabrice Demarigny, Chairman tal-European Capital Markets Institute; kif ukoll bosta esponenti lokali ewlenin tas-settur bankarju, legali u tal-fintech.

Dawk kollha li se jattendu l-konferenza se jkunu mistiedna għal avveniment ta’ netwerking fit-28 ta’ Novembru, lejlet l-istess konferenza, fil-Casino Maltese fil-Belt Valletta.