Huma bosta n-nies li javviċinaw lil grupp Kapitlu Tlettax biex jiktbu kanzunetta ta’ dedika, turija ta’ emozzjoni, u għaldaqstant żgur li mhux sorpriża li llum, it-28 ta’ Awwissu, qegħdin iniedu kanzunetta li ġiet miktuba proprju għall-aktar avveniment speċjali ta’ Glenn Vella u Katia Vassallo, koppja li minn dejjem kellhom għal qalbhom il-mużika, speċjalment dik oriġinali bil-Malti.
Għidli Min, it-titlu ta’ din il-kanzunetta ġie magħżul wara l-kitba tal-vers, ‘jekk mhux int, għidli min?’ li jesprimi mħabba kbira. Joseph Mario Calleja, magħruf aħjar bħala Joseph Kapitlu, iltaqa’ ma’ Katia Vassallo, sema’ dak li xtaqet u ra li joħloq kanzunetta li biha mhux biss tagħti sorpriża lill-għażiż tagħha, iżda li jibqgħu jfakkruha, fil-jiem, xhur u anke snin wara l-jum tat-tieġ tagħhom.
F’post fuq il-midja soċjali personali tagħha, Katia kitbet, “xtaqt li nagħmel kanzunetta bħala sorpriża lil għarus tiegħi mhux biss ġiet għal qalbna imma wkoll bikkejna ħafna nies”.
Permezz ta’ din il-kanzunetta, il-grupp Kapitlu Tlettax qiegħed għall-ewwel darba jikkollabora ma’ Jessica li aktar kmieni din is-sena pparteċipat fil-Malta Eurovision Song Contest bil-kanzunetta ‘Tagħna t-Tnejn’, kif ukoll il-programm tat-televixin, Don’t Stop Me Now. “Kien ta’ pjaċir għalija li naħdem ma’ Kapitlu Tlettax fuq din il-kanzunetta. L-imħabba minn dejjem kienet suġġett li nieħu gost inkanta dwarha u xħin smajt din l-istorja tant ħelwa, ma tantx domt biex aċċetajt l-istedina! Żgur li mhux ħa tkun tal-aħħar li naħdmu flimkien”, tgħid Jessica.
It-tieni silta ta’ mħabba għas-sena 2024, iżda t-tielet waħda oriġinali għal Kapitlu Tlettax, wara s-suċċess ta’ Lilek Biss u Rita, li b’mod immedjat laħqu l-quċċata tal-Klassifika tal-Maltin fi ftit żmien mill-ippubblikar tagħhom. Proprju mil-lum, 28 ta’ Awwissu, Għidli Min tistgħu tisimgħuha fuq il-pjattaformi Facebook u YouTube.
//= $special ?>