Delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista laqgħet lill-Caritas Malta fid-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista biex ikun preżentat studju li sar mill-Caritas dwar l-ispejjeż bażiċi fejn tidħol l-għoli tal-ħajja. Studju li juri li mis-sena 2020 ‘il hawn kien hemm żieda sinifikanti fil-prezzijiet u fejn tidħol l-għoli tal-ħajja.
Dan l-istudju ffokka fuq tliet tipi ta’ familji: żewġ adulti b’żewġt itfal, adult b’żewġt itfal u koppja anzjani.
Fil-messaġġ tiegħu, il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Perici Calascione saħaq fuq ir-realtà inkwetanti f’dawn l-aħħar snin fejn f’pajjiżna l-qasma bejn dawk li jaqilgħu ħafna u dawk li jaqilgħu ferm inqas, dejjem qed tiżdied u tikber. Huwa tenna l-importanza ta’ studji bħal dawn, u fakkar kif il-Partit Nazzjonalista għandu pjan ta’ kif l-isfida tal-għoli tal-ħajja tista’ tkun affaċċjata. Fost il-miżuri proposti hemm li ż-żieda tal-COLA ma tkunx intaxxata, li jinħoloq mudell ekonomiku ġdid b’setturi ġodda, u li jiġu attirati xogħlijiet ta’ kwalità – li jħallsu aktar lill-ħaddiema.
Dan apparti li qed ikun propost li n-negozji jingħataw tax credits biex min iħaddem ma jkollux jerġa’ jgħolli l-prezzijiet biex jagħmel tajjeb għaż-żieda tal-COLA u li jinħoloq Fond Nazzjonali li jappoġġja lill-industrija li timporta jew tesporta sabiex jagħmel tajjeb għall-ispejjeż li jħallu impatt fuq l-għoli tal-ħajja.
Il-Caritas spjegaw li n-nefqa fl-istudju li wettqu hija bbażata fuq żewġ xenarju: basket b’affarjiet bażiċi li jinkludi l-ikel, il-ħwejjeġ, kura tas-saħħa, spejjeż biex wieħed jieħu ħsieb id-dar, edukazzjoni, rigali, trasport u spejjeż ta’ dar soċjali. Spejjeż ta’ trasport jinkludu biss tal-linja, filwaqt li l-arja kondizzjonata hija kkalkulata biex issaħħan biss.
Il-basket aġġustat iżid mal-bażiku karozza privata, kiri ta’ dar u annimal domestiku.
Spejjeż li ma kinux inklużi huma l-ispejjeż relatati mal-kundizzjoni tas-saħħa fiżika jew mentali, bżonnijiet straordinarji tal-Għawdxin u spejjeż għal dieta speċjali.
B’referenza għall-inizjattiva tal-Gvern ‘Stabbilità’, intqal li xi tipi ta’ ikel mhuwiex inkluż, u għalhekk minkejja li l-għajnuniet dejjem se jgħinu, tajjeb li jkun hemm reviżjoni tagħha. Qalet ukoll li familji li qed jgħixu fuq il-benefiċċji biss jew paga minima waħda b’servizzi provduti mhumiex qed ilaħħqu.
Flimkien mal-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Perici Calascione, id-delegazzjoni kienet magħmula mix-Shadow Ministers Graham Bencini, Jerome Caruana Cilia, Ivan Castillo u Claudette Buttigieg.
//= $special ?>