Lokali

Il-familja ta’ Ghirxi tgħid li l-Inkjesta li ħabbar il-Gvern saret “bla konsultazzjoni” u hija “limitata”

Il-familja ta’ Nicolette Ghirxi fi stqarrija qalet li innotat l-istqarrija tal-Ministeru għall-Politika Soċjali, fejn mingħajr ebda konsultazzjoni magħha ħabbar il-ftuħ ta’ Inkjesta Indipendenti – inkjesta li l-familja tal-vittma sejħitilha bħala waħda “limitata” biss għas-servizzi soċjali ta’ vjolenza domestika.

Fi kliem sempliċi, din l-Inkjesta Indipendenti mhux se tinvestiga jew tanalizza l-aġir tal-politiċi, in-nuqqasijiet fil-liġi, l-aġir tal-Kummissarju tal-Pulizija, u anke l-awtoritajiet li suppost kellhom għajnejhom fuq l-Irlandiż li wettaq dan id-delitt.

Fl-istqarrija, il-familja saħqet fuq it-talba oriġinali tagħha li l-Inkjesta Indipendenti għandha titwaqqaf mill-Prim Ministru skont is-setgħat mogħtija biss lilu mil-liġi, u għandha tkun miftuħa fl-iskop tagħha biex jiġu stabbiliti ċ-ċirkostanzi kollha li wasslu għall-qtil ta’ Nicolette Ghirxi u biex jiġi determinat jekk l-Istat wettaqx l-obbligi mistennija minnu biex jippreveni u jipproteġi l-ħajja tagħha.

Finalment, il-familja qed tistenna li tkun konsultata u involuta fit-tfassil tat-terms of reference ta’ dan il-Bord li ġie maħtur.

L-istqarrija kienet iffirmata minn Manuel Ghirxi, John Ghirxi, Susan Mercieca, u Darren Ghirxi.

Kien tard ilbieraħ filgħaxija meta l-Gvern, wara ħafna reżistenza u wara pressjoni kbira mill-Partit Nazzjonalista, ħabbar it-twaqqif ta’ dan l-Inkjesta Indipendenti.