Lokali Parlament

Il-Pulizija tista’ tieħu passi irrispettivament mir-risk assessment tal-FSWS

Uffiċjali tal-FSWS saħqu li l-Pulizija tista’ tieħu passi fil-konfront ta’ aggressur irrispettivament mir-risk assessment quddiem każi ta’ theddid ta’ vjolenza domestika.

Dan sostnewh uffiċjali tal-Fondazzjoni għas-Servizzi Soċjali (FSWS) meta llum kienu qed jixhdu quddiem il-Kumitat Konġunt għall-Affarijiet Soċjali u għall-Affarijiet tal-Familja li kompla jiltaqa’ fil-Parlament biex jiddiskuti s-sitwazzjoni tal-vjolenza domestika f’Malta wara l-qtil ta’ Nicolette Ghirxi.

Id-dikjarazzjoni li l-Pulizija tista’ tieħu l-passi li tħoss irrispettivment mir-risk assessment li jkun sar fuq il-persuna li tkun qed tirċievi t-theddid jew aggressjoni, saret minn uffiċjali tal-FSWS meta dawn l-uffiċjali kienu qed iwieġbu mistoqsijiet tad-deputati Nazzjonalisti Graziella Attard Previ, Ivan Bartolo, Paula Mifsud Bonnici, Graziella Galea u Albert Buttigieg.

Dan il-kumitat konġunt qed jiltaqa’ fuq mozzjoni tal-Oppożizzjoni li talbet li ssir din il-laqgħa wara l-qtil ta’ Nicolette Ghirxi. Fis-seduta xehed fit-tul Alfred Grixti, iċ-Chairperson tal-FSWS, li tkellem fid-dettall dwar il-ħidma li twettaq din il-Fondazzjoni quddiem dawn il-każi ta’ vjolenza domestika.