Lokali Saħħa

Inkjesta Maġisterjali wara li raġel jitlef ħajtu fil-waiting area tal-Emerġenza tal-Isptar

Il-Pulizija għaddejja bl-investigazzjonijiet b’rabta ma’ mewt li seħħet fil-waiting area tal-Emerġenza fl-Isptar Mater Dei, it-Tlieta filgħaxija.

Qraba tal-vittma li tkellmu ma’ Net News spjegaw li r-raġel ta’ 55 sena ttieħed fiċ-Ċentru tas-Saħħa fil-Furjana allegatament b’uġigħ f’sidru, bl-istaff mediku tal-post wara li sarulu xi testijiet mediċi jordnawlu jmur għal aktar kura fl-Isptar Mater Dei, mhux permezz ta’ ambulanza, iżda permezz tal-vettura privata li r-raġel flimkien ma’ qarib tiegħu kienu biha.

Net News huwa infurmat li minkejja l-allegati sintomi ta’ attakk tal-qalb li kien qiegħed isofri r-raġel, huwa tħalla fis-sala ta’ stennija fl-Emerġenza għal tul ta’ ħin.

Bil-każ ġiet infurmata minnufih il-Pulizija filwaqt li kien infurmat il-Maġistrat tal-Għassa Joe Mifsud li ħatar inkjesta – kif hi l-prassi normali li sseħħ.

Mhux magħruf x’kienet ir-raġuni għalfejn ir-raġel minkejja li allegatament kellu sintomi ta’ attakk tal-qalb, tħalla jistenna għal daqstant tul ta’ ħin.

Sa issa, kemm kelliema għall-Isptar kif ukoll għall-Ministeru tas-Saħħa ma ħarġux stqarrija sabiex jixħtu aktar dawl fuq il-każ jew x’wassal sabiex dan ir-raġel tilef ħajtu b’dan il-mod.