Lokali

Jeħtieġ li minnufih issir inkjesta indipendenti ħolistika dwar il-femiċidju ta’ Nicolette Ghirxi – PN

Il-Partit Nazzjonalista jsostni l-istess appelli li qed twettaq il-familja Ghirxi

Huwa ta’ importanza kbira li dwar il-femiċidju ta’ Nicolette Ghirxi ssir inkjesta indipendenti li tħares lejn l-istampa kollha, ħolistika. Hekk biss jista’ jiġi determinat jekk l-Istat wettaqx l-obbligi mistennija minnu biex jipprevjeni u jipproteġi l-ħajja tagħha. 

Dan hu dak li sostnew id-Deputat Whip u x-Shadow Minister Paula Mifsud Bonnici flimkien max-Shadow Minister Graziella Attard Previ f’konferenza tal-aħbarijiet hekk kif ġie mtenni l-appell tal-Partit Nazzjonalista u l-familja ta’ Nicolette Ghirxi għal inkjesta indipendenti ħolistika li tkopri mhux biss is-servizzi soċjali imma l-aspetti kollha tal-każ. 

Il-kelliema sostnew li huwa biss billi ssir Inkjesta Indipendenti li nassiguraw li l-affarijiet jitjiebu u nisa oħrajn ikunu protetti qabel ma jkun tard wisq. Iżda mbagħad, wara, irridu naraw li, b’impenn sħiħ, ikun implimentat it-tibdil mitlub.

Matul il-konferenza tal-aħbarijiet il-kelliema tal-Partit Nazzjonalista qalu li mill-Awtoritajiet intqal li mhux jiġu diskussi fil-pubbliku ċertu aspetti għax hemm investigazzjonijiet pendenti – imma mbagħad inħarġet informazzjoni sensittiva ta’ pubblikazzjoni ta’ dokumenti privati ffirmati mill-vittma. 

Ix-Shadow Ministers saħqu wkoll dwar il-fatt li kontinwament qed naraw Gvern li lanqas ikollu d-diċenza li jikkonsulta mal-familja tal-vittma fejn anki permezz ta’ stqarrija l-familja esprimiet dan is-sentiment u li anki mhux tkun involuta f’dak li qed jiġri. 

Il-kelliema fakkru li wara talba tal-Partit Nazzjonalista, bdew jiltaqgħu l-Kumitati Parlamentari tal-Affarijiet Soċjali u tal-Familja biex jiddiskutu l-protezzjoni tan-nisa u li jeħtieġ li jkunu mfassla strateġiji ta’ azzjonijiet immedjati għall-protezzjoni ta’ kull individwu.

Intqal li l-Partit Nazzjonalista qiegħed jitlob lill-Gvern sabiex mhux biss jaħtar inkjesta indipdendenti iżda wkoll jiddikjara li la darba jkun konkluż ir-rapport tal-inkjesta dwar il-qtil ta’ Nicolette Ghirxi, dan ir-rapport għandu jiġi ppubblikat mingħajr dewmien. Fl-istess waqt, il-Partit Nazzjonalista qiegħed jirreģistra t-talba pubblika tiegħu li wara l-konklużjoni u l-pubblikazzjoni tar-rapport, għandhom jiġu ddedikati numru ta’ seduti Parlamentari fil-plenarja li fihom id-diskussjoni miftuħa tkun iffukata fuq il-qtil ta’ Nicolette Ghirxi u l-vittmi ta’ vjolenza domestika u femiċidju.

Il-Partit Nazzjonalista jagħmilha ċara wkoll, li tali seduti tal-inkjesta indipendenti għandhom isiru fil-pubbliku. Il-pubbliku Malti għandu d-dritt ikun jaf, u l-Gvern għandu l-obbligu li jinforma dwar dak li se jkun qed jiġi stabbilit fis-smiegħ tas-seduti.