Bennej li jaħdem għal rasu ta’ 39 sena minn Birkirkara nżamm arrestat fuq akkużi li kiser ordni ta’ protezzjoni fil-konfront tal-eks sieħba tiegħu. Huwa tressaq il-Qorti quddiem il-Maġistrat Elaine Rizzo, akkużat li kiser ordni ta’ protezzjoni u li hedded lill-eks sieħba tiegħu, kif ukoll li uża ħażin tagħmir tat-telekomunikazzjoni u li kiser il-libertà proviżorja.
L-Ispetturi Colin Sheldon u Christian Cauchi spjegaw li r-raġel kien uża theddid fuq il-mara, li hija wkoll omm ibnu, li kien se jagħmel “xi waħda tinkiteb” wara li r-raġel kellu informazzjoni li ibnu kien ġie msawwat minn ħuh li mhux mill-istess missier.
It-theddida huwa mifhum li ġiet imwassla permezz ta ‘voice messages.’ Il-pulizija qalet lill-Qorti li kienet fil-pussess ta’ dawn il-messaġġi. L-Ispettur Sheldon spjega li jumejn wara dan l-episodju, ir-raġel kien insulenta lill-mara dwar id-dehra tagħha meta kien mar jiġbor lil binhom mill-Għassa tal-Pulizija wara li kien hemm ftehim bejn it-tnejn fuq il-kustodja tat-tifel.
L-imputat wieġeb mhux ħati tal-akkużi. L-avukat tiegħu, Lennox Vella, talab il-ħelsien mill-arrest. Il-prosekuzzjoni oġġezzjonat li r-raġel jinħeles minħabba l-allegat ksur tal-ordni ta’ protezzjoni u l-fatt li l-vittma kienet għadha ma xehditx.
L-Avukat Vella spjega li l-allegat inċident kien seħħ minħabba li iben ir-raġel kien qallu li kien issawwat minn ħuh fid-dar ta’ ommu. “L-ispettur diġà għandu messaġġi WhatsApp u reġistrazzjonijiet tal-vuċi biex jipprova dan,” żied jgħid l-avukat.
Il-Maġistrat talab lill-avukat biex jibbaża l-argumenti tiegħu fuq ir-risk assessment, iżda Dr. Vella qal li dan ma jiswa għal xejn. “Bir-rispett kollu, valutazzjoni tar-riskju hija timla l-vojt, eżerċizzju ta’ timmarka kaxxa b’sett ta’ mistoqsijiet standard. Xi ħadd kellem lill-klijent tiegħi? Le. Huwa maħluf? Le. Semgħu l-verżjoni tiegħu tal-ġrajjiet? Le.
M’għandha l-ebda valur probatorju, għax toqgħod bilqiegħda u tgħid li trid,” sostna l-avukat. “Meta valutazzjoni tar-riskju hija eżerċizzju serju allura nistgħu nitkellmu, iżda kif inhi, illum valutazzjoni tar-riskju hija sempliċement eżerċizzju ta’ li timmarka kaxxa.”
L-Avukat Vella saħaq li l-klijent tiegħu kien bennej li jaħdem għal rasu, bla vizzji u kellu indirizz fiss. “Fil-verità, martu ressqet rapport. Inħarġet ordni ta’ protezzjoni u ġie arrestat. Meta mbagħad beda l-każ, lanqas biss kellha d-diċenza li tixhed. Kienet komda bl-ordni ta’ protezzjoni.”
L-avukat staqsa jekk l-elementi meħtieġa biex iċaħħad lir-raġel mil-libertà tiegħu kinux saħansitra preżenti. “M’għandu l-ebda interess f’din il-mara, għandhom iben bejniethom. Jekk ikun hemm bżonn, l-aċċess għall-iben jista’ jiġi sospiż sakemm it-tifel jixhed.”
Il-ħelsien kellu wkoll aspett prattiku, spjega l-avukat. “Jekk jinżamm taħt arrest preventiv, ma jkun jista’ jaqla’ xejn u ma jkunx jista’ jħallas il-manteniment tat-tifel.”
Il-Qorti, wara li innotat l-assessjar tar-riskju u l-fatt li r-raġel kien mixli li kiser ordni ta’ protezzjoni u kundizzjonijiet preċedenti ta’ pleġġ, qalet li tħoss li f’dan l-istadju ma kienx affidabbli biżżejjed biex jinħeles mill-arrest u jiġi miċħud il-ħelsien mill-arrest.
//= $special ?>