Lokali

KAŻ GHIRXI: Il-Ministru Michael Falzon jattakka lit-Times u jiddefendi lill-FSWS

Il-Minsitru Michael Falzon ma jara assolutament xejn ħażin li l-FSWS ippubblikaw ir-rapport ta’ Nicolette Ghirxi; rapport li nħareġ wara li s-Sunday Times of Malta żvelat kif Ghirxi qalet lill-ħabiba tagħha li kienet imġiegħla tgħid li ma kinitx qed tħossha f’riskju.

Meta ġie mistoqsi mill-ġurnalisti, Falzon iddeċieda li joqgħod gallarija. U sussegwentament attakka lit-Times, għal aktar minn darba, talli żvelaw il-messaġġ ta’ Ghirxi.

Mistoqsi għal liema raġuni l-familja ma ġietx ikkonsultata qabel ma nħatret l-inkjesta indipendenti taħt it-tmexxija tal-Imħallef Emeritu Lawrence Quintano – Michael Falzon stqarr li preżentament il-Gvern jinsab f’komunikazzjoni mal-avukat tal-familja.

Intant, Net News staqsa lill-Ministru min se jkun qiegħed jinvestiga lill-Istat, partikolarment wara li l-inkjesta b’rabta mal-omiċidju ta’ Bernice Cassar kienet sabet li l-istat fallieha.

Huwa saħaq li l-inkjesta hija fil-libertà li tasal għal kull konklużjoni.

Meta mistoqsi dwar il-fatt li Nicolette Ghirxi għamlet rapport mal-Pulizija l-Ħamis filgħaxija u sat-Tnejn filgħodu, ċioè wara li nqatlet, it-talba tagħha kienet għadha qed tiġi proċessata. Falzon insista li għaddejja investigazzjnoi parallela u stqarr li hija sogħba li dawn l-affarijiet iseħħu.