Tikkonferma li għadha fuq il-kotba tal-PBS
Se nistenna l-eżitu tar-riżultat tal-elezzjoni – id-deċiżjonijiet li jridu jittieħdu se neħodhom dakinhar.
Sostniet dan Norma Saliba, il-Kap Eżekuttiv tal-Ilsien Malti u Eks Kap tal-Kamra tal-Aħbarijiet tal-PBS, hekk kif fl-aħħar jiem xeħtet in-nomina għall-President tal-Partit Laburista.
Dan wara li Saliba nnifsiha saħqet li kienet imħeġġa tagħmel dan mill-Prim Ministru Robert Abela u xprunata wkoll mill-Minsitru Ian Borg u l-MEP Alex Agius Saliba – dan kollu waqt li hi tinsab mislufa mix-Xandir Pubbliku.
F’e-mail mibgħuta minn Net News staqsejniha jekk hux se tkun qed tirtira mill-pożizzjoni pubblika ta’ Kap Eżekuttiv taċ-Ċentru tal-Ilsien Malti… hekk kif issa tefgħet il-kandidatura tagħha f’pożizzjoni ta’ tmexxija mal-Labour. Jekk hux se tkun qed tieħu pass lura mill-kariga tagħha – b’Norma Saliba tagħmilha ċara u tonda li se tieħu deċiżjoni dwar dan jekk tiġi eletta fl-elezzjoni tat-13 ta’ Settembru.
Minn rapport li ħareġ mill-Kummissarju tal-Istandards, kien ingħad li kien hemm anomaliji fil-ħatra tagħha maċ-Ċentru tal-Ilsien Malti u enfasizza li kien hemm inkonsistenzi bejn il-ftehim li permezz tiegħu ċċaqalqet mix-Xandir Pubbliku b’self u l-kuntratt ta’ xogħol tagħha.
Skont il-kuntratt, Norma Saliba qed tingħata salarju ta’ €42,000 fis-sena – iżda apparti din is-somma hija għandha numru ta’ ‘allowances’ inkluż żieda ta’ €750 fis-sena. Fost dawn l-allowances hi qed tingħata ‘l fuq minn €4,500 għal spejjeż marbuta ma’ trasport kif ukoll bonus li jaqbeż is-€6,000.
Norma Saliba kompliet tisħaq li meta kienet impjegata tal-PBS, kemm bħala ġurnalista kif ukoll bħala Kap tal-Kamra tal-Aħbarijiet dejjem għamlet xogħolha skont id-dmijiet u r-responsabbiltajiet li kelli f’dawk ir-rwoli. Għaldaqstant hija sostniet li hi qatt ma kienet membru tal-ebda partit meta kienet tmexxi l-Kamra tal-Aħbarijiet tax-Xandir Pubbliku, ċioè ma kinitx tesserata.
Dan filwaqt li kkonfermat li għadha mislufa liċ-Ċentru tal-Ilsien Malti mill-PBS, skont kif intqal fir-rapport tal-Kummissarju għall-Istandards – u għaldaqstant Saliba qed tikkontesta għal kariga fit-tmexxija tal-Labour, bħala suċċessur ta’ Ramona Attard, waqt li għadha fuq il-kotba tax-Xandir Pubbliku.
//= $special ?>