Lokali

Passiġġiera ta’ mutur titlef ħajjitha wara inċident fir-Rabat

Is-sewwieqa tinsab fil-periklu tal-mewt

Kolombjana ta’ 33 sena mill-Imtarfa tilfet ħajjitha traġikament f’inċident tat-traffiku bil-mutur fir-Rabat, Malta – filwaqt li mara oħra tinsab tissielet għal ħajjitha.

Il-każ seħħ għall-ħabta tal-10.45 ta’ billejl fi Triq it-Tabija, hekk kif mill-ewwel indikazzjonijiet jidher li l-Pulizija malli kienet infurmata marret fil-post u sabet mutur tat-tip Honda mixħut mal-art u żewġ tfajliet bi ġrieħi serji fit-triq.

Mill-ewwel investigazzjonijiet tal-Pulizija rriżulta li s-sewwieqa tal-mutur, mara ta’ 31 sena mill-Kolombja wkoll, residenti Wied il-Għajn, għal xi raġuni s’issa mhux magħrufa, tilfet il-kontroll tal-mutur bil-konsegwenza li ħabtet f’arblu.

Fil-post ġie msejjaħ tim mediku sabiex jassisti lill-persuni, bl-ambulanza tieħu lis-sewwieqa l-Isptar Mater Dei, fejn aktar tard ġiet iċċertifikata li sofriet ġrieħi serji madanakollu, sfortunatament, il-passiġġiera ġiet iċċertifikata mejta fil-post.

Bl-inċident ġie infurmat il-Maġistrat tal-Għassa Joseph Mifsud li fetaħ inkjesta filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.

Aktar tard il-vittma ġiet identifikata bħala Cristi Robles minn Bogota.

Intant, permezz ta’ post fuq Facebook, it-tabib tal-Emerġenza, Michael Spiteri sostna li f’temp ta’ 12-il siegħa biss kellu jassisti fi tliet inċidenti tat-traffiku fatali u insista għal aktar attenzjoni u kawtela mis-sewwieqa.

Huwa appella sabiex inżommu f’moħħna dejjem is-sigurtà tagħna u ta’ ħaddieħor – sabiex naħsbu qabel naġixxu.

Spiteri insista li bħala pajjiż wasal iż-żmien li ninbidlu, u l-bidla trid tibda minn kull wieħed u waħda minna.