Internazzjonali

Xatt tal-Punent: Battalji intensivi daqs ta’ Gaza… bl-Iżraeljani jirrankaw l-offensiva

L-Iżraeljani, fil-preżent, jinsabu għaddejjin b’kampanja militari fix-Xatt tal-Punent bl-iskop li jeliminaw it-theddida tat-terroriżmu fl-inħawi – theddida li, fi kliem il-Ġenerali tal-Armata saret aktar akuta fi żmien meta l-qawwiet Iżraeljani għadhom ukoll għaddejjin bil-kunflitt intensiv mal-ġellieda tal-Ħamas fil-Medda ta’ Gaza.

L-aħħar rapporti qalu li tal-anqas għaxar Palestinjani nqatlu waqt sensiela ta’ inċidenti vjolenti fix-Xatt tal-Punent li ilu s-snin taħt okkupazzjoni Iżraeljana u fejn żdiedu sew il-komunitajiet tal-Lhud.

Intant, il-kampanja militari tal-Iżraeljani fix-Xatt tal-Punent kompliet tirranka u bis-suldati qed jissikkaw il-morsa fuq tal-anqas erbat ibliet prinċipali – f’dan il-każ, Jenin, Tulkarm, Nablus u Tubas.

Din hi l-ewwel darba mill-Intifadah (rewwixta) tal-Palestinjani – li dam mis-sena 2000 sal-2005 – li l-qawwiet Iżraeljani qed jikkonċentraw l-azzjonjiet militari fuq diversi bliet f’daqqa.

Madankollu, l-osservaturi fil-Lvant Nofsani jemmnu li l-offensiva fix-Xatt tal-Punent qed tagħti anki sinjal li l-Iżraeljani jistgħu huma inkwetati dwar is-sitwazzjoni. L-inkwiet prinċipali ta’ Iżrael x’aktarx hu li l-bilanċ tal-kontroll fix-Xatt tal-Punent, ‘il quddiem, kapaċi jinqaleb kontra tiegħu u anki b’mod irriversibbli.

Hu minnu wkoll li Iżrael kien diġà qed jikkonfronta ġenerazzjoni ġdida ta’ gruppi tal-Palestinjani armati qabel faqqgħet il-gwerra ta’ Gaza f’Ottubru li għadda.

U fil-preżent, għaddejjin il-battalji kontinwi bejn il-militar Iżraeljan u l-gruppi tal-militanti f’numru ta’ kampijiet tar-refuġjati lejn in-naħa ta’ fuq tax-Xatt tal-Punent.

Il-Ġeneral Israel Ziv, l-Eks Kap ta’ Diviżjoni tal-qawwiet Iżraeljani, innota li l-ġlied attwali qed jinfirex b’mod rapidu madwar ix-Xatt tal-Punent.

Dan meta l-uffiċjali ta’ Iżrael jemmnu li l-battalji li għaddejjin bħalissa lejn it-Tramuntana tax-Xatt tal-Punent saru intensivi daqs il-konfronti armati li ilhom l-aħħar xhur jiddominaw fit-territorji ta’ Gaza.

L-Iżraeljani, intant, jaħsbu li l-introduzzjoni fix-xena tal-gruppi ġodda tal-Palestinjani armati hi kollha parti minn inizjattiva tal-Iran fundamentalista – pajjiż determinat li jeqred lill-Istat ta’ Iżrael minn fuq il-mappa tad-dinja.

F’dan il-każ, l-istrateġisti militari f’Iżrael huma konvinti li l-Iran qed imexxi pjan intiż biex il-qawwiet Iżraeljani jibqgħu impenjati fuq diversi fronti tal-gwerra f’daqqa – sitwazzjoni li, imbagħad, kapaċi tiffaċilita xi attakk ieħor kbir mill-Iran fuq Iżrael u li jista’ hu imminenti.