Studju li sar mill-Caritas dwar l-ispejjeż bażiċi juri li mis-sena 2020 ‘il hawn kien hemm żieda sinifikanti fil-prezzijiet u fejn tidħol l-għoli tal-ħajja.
Dan l-istudju ffokka fuq tliet tipi ta’ familji: żewġ adulti b’żewġt itfal, adult b’żewġt itfal u koppja anzjani.
In-nefqa hija bbażata fuq żewġ xenarju: basket b’affarjiet bażiċi li jinkludi l-ikel, il-ħwejjeġ, kura tas-saħħa, spejjeż biex wieħed jieħu ħsieb id-dar, edukazzjoni, rigali, trasport u spejjeż ta’ dar soċjali. Spejjeż ta’ trasport jinkludu biss tal-linja, filwaqt li l-arja kondizzjonata hija kalkulata biex issaħħan biss.
Il-basket aġġustat iżid mal-bażiku karozza privata, kiri ta’ dar u annimal domestiku.
Spejjeż li ma kinux inklużi huma l-ispejjeż relatati mal-kundizzjoni tas-saħħa fiżika jew mentali, bżonnijiet straordinarji tal-Għawdxin u spejjeż għal dieta speċjali.
Il-professur u membru tal-kumitat Suzanne Piscopo kkonfermat li mis-sena 2020 kien hemm żieda ta’ madwar €6,000 fl-ispejjeż bażiċi għat-tliet familji differenti. Il-basket aġġustat juri żieda kbira ta’ madwar €9,000.
Id-Direttur tal-Caritas Anthony Gatt enfasizza fuq l-importanza tal-istudju, fejn semma’ l-inflazzjoni kbira tal-ikel u kif fl-aħħar erba’ snin iż-żieda fil-prezz tal-ikel bażiku kienet bejn 33% u 54%.
B’referenza għall-inizjattiva tal-Gvern Stabbilità, il-Professur Suzanne Piscopo qalet li xi tipi ta’ ikel mhuwiex inkluż. U għalhekk minkejja li l-għajnuniet dejjem se jgħinu, tajjeb li jkun hemm reviżjoni tagħha. Qalet ukoll li familji li qed jgħixu fuq il-benefiċċji biss jew paga minima waħda b’servizzi provduti mhumiex qed ilaħħqu.
Fl-aħħar tal-istudju, il-Caritas tat ħafna rakkomandazzjonijiet: fosthom żieda fil-konċessjoni tal-ispejjeż tal-ħajja, promozzjoni tal-għarfien tal-finanzi u l-ħolqien ta’ karta tal-identità għal dawk bla dar.
//= $special ?>