Lokali Sport

Bidu għal-Logħob Paralimpiku PARIĠI 2024 wara ċerimonja quddiem 65,000 spettatur


Il-bieraħ filgħaxija saret iċ-Ċerimonja tal-Ftuħ tas-17-il Edizzjoni tal-Logħob Paralimpiku – PARIĠI 2024

Fi Place de la Concorde bl-Obelisk fiċ-ċentru taċ-Ċerimonja quddiem 65,000 spettatur fl-istands, iċ-Ċerimonja tal-Ftuħ tas-17-il Logħob Paralimpiku tmexxiet minn Thomas Jolly, l-istess direttur taċ-Ċerimonji tal-Ftuħ u tal-Għeluq tal-Logħob Olimpiku flimkien mal-koreografu Alexander Ekman.

Il-qofol tibqa’ l-parata tal-4,400 atleta minn 168 pajjiż, inkluża Malta, li ħadu sehem fi sfilata ta’ kuluri li bdiet minn Champs Elysees. Malta f’dan il-Logħob hija rappreżentatha mill-għawwiema Maja Thema u mill-atleta Antonio Flores fit-tieni parteċipazzjoni tiegħu wara l-ParaOlimpijadi tal-2008 f’Beijing. Il-Kontinġent Malti huwa mmexxi mix-Chef de Mission Julian Bajada u jinkludi wkoll il-kowċ Edward Caruana Dingli għall-għawm flimkien mat-tabiba tal-kontinġent Dr. Danika Bonello Spiteri. Preżenti wkoll f’Pariġi l-President tal-Malta Paralympic Committee, Prof.Joseph Grima.

Mat-tlugħ tal-bandiera Franciża u indirizz tal-okkazjoni minn Tony Estanguet, Chairman tal-Kumitat Organizattiv Parigi 2024; u minn Andrew Parsons, President tal-Kumitat Paralimpiku Internazzjonali; il-President ta’ Franza Manuel Macron iddikjara is-17-il Edizzjoni tal-Logħob Paralimpiku miftuħa.

Mal-wasla tat-torċa Olimpika u l-bandiera Paralimpika u ritwal tradizzjonali,  inxtegħlet l-urna li kuljum sat-8 ta’ Settembru ser titla’ fuq Pariġi .

Mil-lum ingħata bidu għal-Logħob Paralimpiku PARIĠI 2024.

It-tim Malti fil-Logħob Paralimpiku – PARIĠI 2024